Internazzjonali

Saqet fuq folla ftit ‘il bogħod minn fejn kien qed isir il-konkors Miss Universe

Tal-anqas persuna waħda mietet u kważi 40 indarbu meta mara saqet karozza dritt għal ġo folla nies quddiem lukanda f’Las Vegas, fl-Istat ta’ Nevada, fl-Istati Uniti.

Fil-ħin tal-inċident kien qed isir il-konkors ta’ Miss Universe fil-Planet Hollywood Resort and Casino li jinsab fil-viċinanzi. Sadanittant, il-pulizija sostnew li l-mara x’aktarx kellha l-intenzjoni li twettaq din l-istraġi, madankollu mhumiex jittrattaw il-każ bħala attentat terroristiku.

Ir-rapporti qalu li l-karozza inkwistjoni ħarġet mit-triq darbtejn u telgħet fuq bankina ta’ Las Vegas Boulevard minn fejn ġarret numru ta’ persuni li nzertaw hemm.
Is-sewwieqa, li għandha bejn 20 u 30 sena, imbagħad ħarbet mill-post iżda kienet arrestata aktar tard mill-pulizija. Intant, instab tfajjel ta’ tliet snin fil-karozza tal-mara, u l-Pulizija kkonfermat li hu ma ġralu xejn fl-inċident.

Din il-mara aktar tard kienet suġġetta għal diversi testijiet li kellhom jikkonfermaw jekk kinitx qed issuq taħt l-effetti tad-droga u l-alkoħol. Fl-istess ħin, kelliema għall-Pulizija qalu li qed jittrattaw dan il-każ bħala ‘azzjoni li twettqet b’intenzjoni’.

L-aħħar rapporti minn Las Vegas saħqu li diversi nies li ntlaqtu mill-karozza jinsabu f’qagħda kritika.