Mijiet ta’ ħaddiema mal-iskwadri għall-emerġenzi fil-belt Ċiniża ta’ Shenzhen qed ifittxu għal għexieren ta’ nies li għebu kaġun ta’ valanga tat-tajn enormi li laqtet l-inħawi.
Il-valanga ġarret ’il fuq minn 30 binja u filwaqt li ttellgħu xi nies ħajjin minn taħt ir-radam, hu mifhum li kien għad fadal għexieren neqsin fiz-zona tal-emerġenza.
Intant, kienu evakwati mijiet ta’ persuni mill-inħawi milqutin mill-valanga li seħħet wara li kkrollat parti minn għolja li kienet tinkludi sit għall-fdalijiet ta’ proġetti għall-kostruzzjoni u oħrajn industrijali.
Il-belt ta’ Shenzhen, fil-provinċja ta’ Guangdong (qrib il-fruntiera ma’ Hong Kong) hi waħda mill-akbar bliet taċ-Ċina waqt li magħrufa bħala ċentru industrijali kbir.
Il-valanga kopriet medda ta’ art sostanzjali bit-tajn, li hu fond sa għaxar metri f’ċerti bnadi. Iz-zona tal-emerġenza tinkludi park industrijali, fost inħawi oħrajn.
Ir-rapporti mill-inħawi qalu li l-valanga kkaġunat ukoll splużjoni f’pipeline tal-gass naturali u sal-bieraħ kienu għaddejjin it-tiswijiet fuqu.
//= $special ?>

