Aħbar eċċellenti – Simon Busuttil
Wara tmint ijiem maħtuf fil-Libja, kmieni waranofsinhar sar magħruf li l-Malti Pierre Baldacchino nħeles. Il-missier ta’ żewġt itfal, minn Marsaxlokk, jaħdem bħala Direttur Maniġerjali tal-Isptar St James fi Tripli. Baldacchino nħataf waqt li kien fi triqtu lejn id-dar nhar it-Tnejn, 14 ta’ Diċembru.
Rapport ippubblikat mill-ġurnal Libya Herald qal li l-Malti nħeles mill-grupp Rada, magħmul minn forzi speċjali fil-pajjiż. Hu kien qed jinżamm fil-konfini tal-kapitali Libjana. Rapporti qed jgħidu li l-Malti nħeles matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-1.30am, bil-ħelsien iwassal ukoll għall-arrest ta’ żewġ persuni minn dawk li ħatfuh.
F’filmat imxandar (ara isfel), Pierre Baldacchino qal li jinsab fi stat ta’ saħħa tajba u li kemm ilu maħtuf inżamm il-ħin kollu b’għajnejh mgħottija u b’idejh marbuta. Madankollu, hu esprima wkoll il-biża’ li ma kienx se jerġa’ jara lil uliedu. Fil-filmat sar magħruf ukoll li ntalbu $5 miljun għall-ħelsien tal-Malti.
L-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar, f’kumment dirett fuq Radio 101 u anke fuq Twitter, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-aħbar.
Hu qal li kif xieraq, il-famija ta’ Pierre Baldacchino issa se tkun tista’ tgawdi l-Milied b’moħħha mistrieħ li l-qarib tagħhom hu meħlus. Fisser din l-aħbar bħala waħda eċċellenti.
Aktar reazzjoniet
Fi stqarrija, il-Gvern qal li matul il-ħidma li waslet għall-ħelsien ta’ Pierre Baldacchino, kien il-ħin kollu f’kuntatt mal-awtoritajiet fil-Libja. Fl-istess waqt, sostna l-appell kontra l-ivvjaġġar lejn il-Libja.
Min-naħa tagħha, l-amministrazzjoni tal-Isptar St James awgurat li Baldacchino jinġieb lura Malta mill-atar fis. Fi stqarrija, esprimiet il-gratitudni għall-ħidma iebsa, id-dedikazzjoni u l-impenn li twettaq mis-Servizzi tas-Sigurtà tal-Libja u ta’ Malta, filwaqt li rringrazzjat ukoll lill-Gvern Malti għall-intervent tiegħu.
//= $special ?>