Lokali

Breathalysers ġodda fl-eqqel tal-festi

Il-Korp tal-Pulizja rreaġixxa għall-istorja żvelata fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon, li żvelat li fl-eqqel tal-istaġun tal-Festi ma kienx hemm il-possibbiltà li jsiru t-testijiet tal-breathalysers. Din l-istorja wasslet biex it-tmexxija tal-Korp iddeċiediet li kmieni dalgħodu ssejjaħ konferenza tal-aħbarijiet ta’ reazzjoni.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar ikkonferma li fl-aħħar ġimgħat kienu rtirati l-breathalysers kollha mill-Għases u mit-Taqsimiet Speċjalizzati. Qabel, il-Korp kellu għad-dispozzjoni tiegħu 17-il breathalyser. Madankollu, f’dawn il-jiem ta’ Festi, se jkollu 15-il breathalyser li ngħatawlu mill-Assocjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni.

Iżda fl-eqqel tal-istaġun tal-festi, il-Pulizija għadhom iridu jitħarrġu biex jużaw dan l-apparat il-ġdid, bil-possibbiltà li meta jkunu bżonnu, il-Pulizija ma jkunux ghadhom jafu kif jużawh. Il-Kummisarju tal-Pulizja spjega li meta jintuża’, l-apparat il-ġdid joħroġ ir-riżultat tat-test biex jinżamm mill-Pulizija u ieħor li jingħata lil min ikun sarlu t-test. L-apparat iżomm rekord ukoll tal-informazzjoni li tkun inkisbet.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Julian Mamo, mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni, li qal li dan l-apparat importanti għandu jagħti daqqa ta’ id tajba lill-Korp fil-qadi tad-doveri tiegħu ħalli t-toroq tagħna jkunu aktar siguri. Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni Andre Galea fisser li dan l-apparat hu importanti ferm għall-ħidma.