Lokali

Fl-eqqel tal-festi: L-Għases tal-Pulizija mingħajr breathalysers

Minħabba l-istat finanzjarju diżastruż li jinsab fih il-Korp tal-Pulizija, fil-jiem li jkunu organizzati bosta festini u riċevimenti b’ammont ta’ alkoħol, l-Għases tal-Pulizija spiċċaw bla breathalysers

Il-Korp tal-Pulizija jinsab fi stat li ma jistax jinżel aktar ’l isfel… issa tant spiċċa fixxa bla flus li fil-jiem li għaddew inħarġet ordni biex il-breathalysers kollha fl-Għases tal-Pulizija jinġabru.

Dan ġie żvelat mill-ġurnal In-Nazzjon li qal li din l-ordni immaturat minħabba li mingħand min kienu qed jinkrew ilu ħafna ma jitħallas u biex dawn jibqgħu jiffunzjonaw tajjeb jeħtieġ li jingħataw service fuq bażi regolari.

Li ġara hu li l-Korp tal-Pulizija m’għandux flus biex jagħti service lil dan l-apparat sensittiv u s-sid tagħhom min fejn jinkrew ma kienx lest li jagħti dan is-servizz mingħajr ma jitħallas.

Għalhekk il-breathalysers kollha nġabru bir-riżultat li issa fl-Għases ma fadalx minnhom għal dak li jista’ jkun li jinqala’ proprju f’dawn il-jiem ta’ festi fejn dak li jkun forsi jixrob xi ftit aktar milli suppost f’bosta lokalitajiet, inklużi djar privati, fejn ikunu organizzati ħafna parties u ikliet, fi gruppi żgħar jew kbar.

Li jistona ħafna hu l-fatt li l-ġbir ta’ dawn il-breathalysers qed isir proprju f’dan iż-żmien tas-sena meta l-konsum tal-alkoħol jiżdied qatigħ, u għalhekk din l-arma f’idejn il-pulizija tkun aktar meħtieġa minn kwalunkwe żmien ieħor tas-sena.

Interessanti l-fatt li meta fil-jiem li għaddew fil-Parlament il-Ministru Carmelo Abela kien mistoqsi mix-Shadow Minister Jason Azzopardi bl-aktar mod speċifiku dwar il-breathalysers jekk humiex bil-ħsara u għaliex inġabru mill-Għases, l-istess Ministru evita t-tweġiba u qal biss li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ritratt: Arkivji