Ambjent Lokali

Il-Front Ħarsien ODZ jitlob investigazzjoni dwar “permessi kontroversjali”

“Il-policy dwar l-iżvilupp rurali fetħet tieqa għal abbuż u qed jiġu implimentati b’mod arbitrarju”

Il-Front Ħarsien ODZ qed isejjaħ għal investigazzjoni indipendenti biex ikunu investigati numru ta’ “permessi kontroversjali” approvati f’art ODZ minkejja li kien hemm parir biex dawn il-permessi jiġu rrifjutati.

Dan hekk kif, skont il-Front, jidher li l-policies dwar l-iżvilupp rurali fetħu tieqa għal abbuż u qed jiġu implimentati b’mod arbitrarju.

Il-Front qal dan fi stqarrija li fiha ddeskriva minn tal-anqas żewġ permessi partikolari bħala “kontroversjali” u li “ġew approvati barra l-iskema tal-iżvilupp li ħarġu minkejja l-parir kuntrarju tad-direttorat għall-ippjanar jew tad-direttorat tal-ambjent biex dawn jiġu rrifjutati.”

F’wieħed mill-permessi għal żvilupp ta’ villa ta’ 280 metru kwadru fuq żewġ sulari minflok garaxx fis-Siġġiewi, bl-iskuża li dan il-garaxx kien jintuża bħala razzett.

Fit-tieni permess kontroversjali, il-MEPA approvat it-twaqqiegħ ta’ tlett kmamar bla saqaf biex tinbena villa bl-iswimming pool f’Wied il-Busbies ir-Rabat, bl-iskuża li l-fdalijiet xi darba kienu jintużaw bħala residenza.

Il-Front qal li l-investigazzjoni għandha teżamina l-impatt tal-policy dwar l-iżvilupp rurali, approvata s-sena li għaddiet, li tirregola l-iżvilupp f’zoni rurali u li qed twitti t-triq għal żvilupp abbużiv.

Il-Front żied li hu mħasseb dwar il-policies li qed jippermettu l-iżvilupp ta’ villel u stores flok fdalijiet ta’ bini antik, kif ukoll dwar policies li jippermettu villel flok irziezet li ħafna drabi l-anqas biss ikunu nbnew legalment.
Bħala eżempju, il-Front ġab l-iżvilupp ta’ store agrikolu fuq żewġ sulari flok munzell ġebel.