Hekk kif is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qed ikompli jiffaċċja pressjoni mill-pubbliku u mill-media dwar allegat każ ta’ abbuż fil-mod ta’ kif inħareġ permess għal żvilupp f’residenza tiegħu f’Santa Katarina fir-Rabat, Ian Borg kompla jiddefendi ruħu u qal li l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni ma sabitx provi ta’ korruzzjoni f’rapport li għamlet dwar il-każ.
Dan minkejja li l-Ombudsman, fir-rapport tiegħu qal li l-permess ma kellux jinħareġ għax inħareġ b’ingann. U dan kollu filwaqt li l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni kkonfermat ir-rapport tal-Ombudsman, li jgħid li kien hemm abbuż.
F’press briefing li saret fl-uffiċju tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg laqqa’ lill-ġurnalisti wieħed wieħed fl-uffiċju tiegħu u tahom kopja tar-rapport. Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net News saret taf bil-press briefing tnofs siegħa biss qabel.
Skont Ian Borg, ir-rapport tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni jgħid li ma nstabitx prova ta’ korruzzjoni. Mistoqsi dwar x’jikkumenta fid-dawl tar-rapport tal-Ombudsman, li iddikkjara b’mod ċar li l-permess ma kellux joħroġ , Ian Borg qal li l-Ombudsman investiga biss il-proċess tal-MEPA u mhux lilu personali.
Fir-rapport tiegħu, l-Ombudsman qal ċar li l-permess għall-iżvilupp fil-propjeta’ ta’ Ian Borg intużaw metodi ta’ ingann, jew bl-Ingliż, devious methods.
Dwar dan, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li fil-ġimgħa tal-Milied, waqt li kulħadd jinsab aljenat, il-Prim Ministru qed ifarfar ir-responsabbiltà li jkeċċi s-Segretarju Parlamentari Ian Borg wara li dan instab li kiseb permess tal-MEPA b’ingann.
Fl-istqarrija, l-Partit Nazzjonalista qal li Muscat għandu riga differenti għalih u riga differenti għal ħaddieħor; u dan peress li kieku xi ħadd mill-Partit Nazzjonalista kien fil-pożizzjoni ta’ Ian Borg, kieku Muscat xeba’ jagħmel stqarrijiet u jitlob riżenji – imma għax Ian Borg hu Segretarju Parlamentari ta’ Gvern Laburista, għal Muscat kollox jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li hu ċar għal kulħadd, ħlief għal Muscat, li Ian Borg għandu jitneħħa wara li l-Ombudsman kien ikkonkluda fir-rapport tiegħu li kien hemm abbużi biex inħareġ il-permess.
//= $special ?>

