Internazzjonali

Isalvaw aktar immigranti …’Il fuq minn miljun jaslu l-Ewropa fl-2015

Il-gwardjani tal-kosta Libjani rnexxielhom isalvaw 100 immigrant li kienu qed jippruvaw jaqsmu mill-baħar lejn l-Ewropa, iżda talanqas żewġ immigranti spiċċaw jitilfu ħajjithom.

Dan qaluh kelliema għall-gwardjani tal-kosta li kkonfermaw ukoll l-għajbien ta’ 10 immigranti oħra li kienu fuq l-istess dgħajsa. L-immigranti li salvaw ma kenux lebsin ġgieget tas-sigurtà u, wara li twasslu l-art, ittieħdu lejn il-bażi navali ta’ Tripli qabel twasslu f’ċentru tad-detenzjoni.

Sadanittant, statistika li ħarġet l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni indikat li l-ammont tal-immigranti u refuġjati li qasmu lejn l-Ewropa mill-art u bil-baħar din is-sena qabez il-miljun ruħ.

In-numru hu erba’ darbiet akbar mill-ammont ta’ refuġjati li qasmu lejn l-Ewropa is-sena l-oħra. Il-parti kbira nett ta’ dawn in-nies huma refuġjati li qegħdin jaħarbu mill-konflitt u l-persekuzzjoni fl-artijiet tas-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan.