Il-qawwiet tal-Iraq, bħalissa, għaddejjin b’kampanja intensiva biex jeliminaw il-preżenza tal-ISIS mill-belt ewlenija ta’ Ramadi. L-aħħar rapporti, sadanittant, qalu li l-qawwiet laħqu avvanzaw lejn iċ-ċentru tal-belt li hu kkontrollat mill-ISIS u dehru jikkonċentraw fuq iz-zoni residenzjali fil-qalba tal-inħawi.
Il-belt ta’ Ramadi, li tinsab xi 90 kilometru lejn il-Punent ta’ Bagdad, kienet waqgħet f’idejn l-ISIS f’Mejju li għadda – bl-Armata tal-Iraq issofri waħda mill-akbar disfatti mindu kellha tikkonfronta lit-terroristi li ħatfu l-kontroll ta’ diversi artijiet tal-pajjiż.
Intant, il-qawwiet Iraqin dehru viċin il-kumpless tal-Gvern ewlieni f’Ramadi, fost rapporti li ħadu l-kontroll mill-inqas f’żewġ distretti tal-belt. Dan wara li l-istess qawwiet, ix-xahar li għadda, laħqu ċċirkondaw din il-belt bl-iskop li jiżolaw lill-militanti li issa tilfu kull kuntatt ma’ fortizzi tal-ISIS oħrajn fil-provinċja ta’ Anbar.
It-Tmexxija tal-Armata tal-Iraq qed tittama li tiknes l-aħħar traċċi tal-ISIS mill-inħawi ta’ Ramadi.
L-avvanz fuq il-kumpless tal-Gvern ikkontrollat mill-ISIS kien qed jitmexxa mis-servizzi Iraqin għal kontra t-terroriżmu, bl-appoġġ tas-suldati tal-Armata regolari, flimkien ma’ qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti.
L-offensiva fuq Ramadi saret minn diversi fronti meta l-qawwiet Iraqin kienu qed jippjanaw li jeliminaw lill-ISIS ‘fi żmien 72 siegħa’. L-aħħar rapporti qalu li r-reżistenza tal-ISIS ma kinitx daqshekk qawwija, u t-terroristi qegħdin jiġġieldu bis-snipers u l-aggressuri suwiċida.
Is-servizzi sigrieti tal-Iraq ikkalkulaw li kien għad fadal bejn 200 u 300 militant tal-ISIS f’Ramadi fejn irnexxielhom jiżviluppaw sistema ta’ difiża effettiva.
Intant, il-Ministeru tad-Difiża Iraqi qal li l-ġellieda tal-ISIS żammew liċ-ċivili milli jitilqu minn Ramadi mindu ajruplani tal-Iraq, ix-xahar li għadda, kienu waddbu fuljetti għal fuq il-belt biex jinfurmaw lir-residenti dwar l-offensiva imminenti.
Ingħad ukoll li t-terroristi kienu qed jaħsbu biex jużaw liċ-ċivili bħala tarka umana għalkemm mhux magħruf in-numru ta’ nies li kellhom jiffaċċjaw dan il-periklu.
//= $special ?>