Internazzjonali

Nirien joħolqu straġi f’mużew ta’ Sao Paulo, fil-Brażil

Nirien kbar ħallew ħsarat estensivi fil-Mużew tal-Lingwa Portugiża li jinsab fid-distrett storiku ta’ Sao Paulo, fil-Brażil.

Skont l-aħħar rapporti, raġel li tilef ħajtu fin-nirien kien identifikat bħala l-persuna inkarigata biex tikkontrolla l-emerġenzi li jinqalgħu f’dan il-bini.

Sadanittant, ma kienx hemm vittmi oħra, peress li dan il-mużew ma kienx miftuħ għall-pubbliku fil-ħin meta qabdu n-nirien.

Intant, għexieren ta’ membri tas-servizzi għall-emerġenzi marru fuq il-post b’numru kbir ta’ fire engines biex jippruvaw jikkontrollaw il-fjammi li damu sigħat jogħlew ’il fuq mill-bini.

Il-mużew – l-uniku wieħed fid-dinja dedikat kompletament għal lingwa waħda – jifforma parti mill-istazzjon tal-ferrovija storiku Estacao da Luz u l-uffiċjali għall-emerġenza qalu li n-nirien qabdu fl-ewwel sular u ma damux biex jinfirxu madwar il-mużew, li jinkorpora wkoll diversi stallazzjonijiet elettroniċi. Fiċ-ċirkostanzi tħarbtet l-iskeda normali tal-ferroviji f’dik iz-zona.

L-Estacao da Luz – jew l-Istazzjon tad-Dawl – hu ġawhra arkitettonika li darba kienet tinkludi l-uffiċini tal-awtorità metropolitana tal-ferroviji.