Pollakk jeħel il-ħabs wara li ppjana biex itajjar il-Parlament

Eksprofessur tal-università fil-Polonja kien ikkundannat 13-il sena ħabs talli ppjana attakk terroristiku kontra l-Parlament ta’ Varsavja.

Brunon Kwiecien, ta’ 48 sena, hu l-ewwel Pollakk li tressqulu akkużi ta’ terroriżmu, iżda mhux magħruf li dan ir-raġel għandu xi rabtiet ma’ gruppi estremisti stabbiliti.

L-attakk li kien qed jippjana Kwiecien kellu jibbaża fuq karozza mimlija bl-isplussivi u li kellha tinstaq b’veloċità għal ġol-bini tal-Parlament. Intant, hu spiċċa kkundannat dwar il-pussess ta’ armi illegali u talli inċita lil żewġ studenti biex iwettqu l-attakk.

Jingħad li Brunon Kwiecien hu affaxxinat bil-qattiel tal-massa Norveġiż Anders Behring Breivik li, fis-sajf tal-2011, uża armi tan-nar u splussivi biex jimmassakra 77 persuna fin-Norveġja.