Internazzjonali

Residenti ta’ belt Spanjola jirbħu 640 miljun ewro fil-lotterija ‘El Gordo’

Mijiet ta’ residenti fil-belt ta’ Roquetas de Mar qed jiċċelebraw bil-kbir wara li rebħu l-ewwel premju – u sehem mis-somma rebbieħa ta’ 640 miljun ewro – fil-lotterija tradizzjonali ‘El Gordo’ (‘il-Ħoxna’) li ssir kull sena fi Spanja.

In-numru rebbieħ – 79140 – deher fuq 1,600 biljett tal-ġukaturi f’din il-belt, u kull rebbieħ se jdaħħal is-somma sabiħa ta’ 400,000 ewro.

Ir-rebbieħa tat-tieni premju ta’ ‘El Gordo’ huma ġukaturi mill-bliet ta’ Seville u Granada.

L-‘El Gordo’ hi l-akbar lotterija tal-Milied fid-dinja, u l-poplu Spanjol, kull sena, ma jitlifx sekonda tal-programm speċjali fejn jittellgħu n-numri waqt xandira diretta.
Bħalma jsir kull sena, in-numri rebbieħa (li dehru fuq blalen tal-injam) kienu kantati minn grupp ta’ tfal fit-Teatru Rjali ta’ Madrid.

Din il-lotterija għandha importanza u sinifikat speċjali fi Spanja, fejn iċ-ċifri tal-qgħad huma għoljin – b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ – u meta l-poplu qed ikollu jiffaċċja miżuri ta’ awsterità.