Ekonomija Kummerċ Lokali

Statistika mill-Ewropa tikkonferma l-għafsa fuq il-pagi

Statistika tal-Aġenzija Ewropea tal-Istatistika, il-Eurostat, qed tkompli tikkonferma l-għafsa fuq il-pagi li qed ibatu l-ħaddiema Maltin. Iċ-ċifri tal-Eurostat qed juru li ż-żieda fil-pagi qed tkompli tnaqqas fir-ritmu waqt li din qed tittiekel mill-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Ewropa.

L-għafsa fuq il-pagi ġiet ikkonfermat fil-pubblikazzjoni mill-Eurostat dwar iż-żieda annwali fl-ispejjeż tax-xogħol.

Din l-istatistika turi li ż-żieda fil-pagi f’Malta kompliet tnaqqas fir-ritmu sa Settembru li għadda. Il-Eurostat tgħid li f’Malta, fis-sena sa Settembru, il-pagi żdiedu b’1.6% li hi l-anqas żieda fl-aħħar sena u tliet xhur murijin fl-istess pubblikazzjoni.

Din iż-żieda kienet ukoll anqas miż-żidiet fil-pajjiżi l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea fejn il-pagi fis-sena sa Settembru żdiedu bi 2.0%.

Iż-żieda fil-pagi f’Malta hi murija f’din il-pubblikazzjoni mill-Eurostat fi flus kurrenti. Imma meta wieħed ineħħi l-effett tal-għoli tal-ħajja, din iż-żieda diġà baxxa fil-pagi ttieklet mill-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja fl-Ewropa kollha.

Fil-fatt, iċ-ċifri tal-Eurostat dwar l-għoli tal-ħajja f’Malta juru li f’Settembru Malta kellha rata tal-għoli tal-ħajja ta’ 1.6%. Din ir-rata mhux biss kielet iż-żieda fil-pagi imma wkoll kienet l-ogħla inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha.

Iċ-ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw ukoll li madwar l-Ewropa l-ħaddiema gawdew żieda reali ta’ 2.1% fil-pagi tagħhom waqt li f’Malta, l-paga reali – jiġifieri wara li taqta’ l-effett tal-għoli tal-ħajja – staġnat fl-aħħar sena.

Anke kieku wieħed jieħu l-kejl lokali tal-għoli tal-ħajja magħmul mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fis-sena sa Settembru l-għoli tal-ħajja f’Malta kien ta’ 1.3% skont l-NSO

Anke dan il-kejl tal-NSO jikkonferma l-għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin li qed jaraw il-pagi tagħhom jistaġnaw bl-għoli tal-ħajja jiekol iż-żidiet diġà baxxi li qed ikollhom.

L-għoli tal-ħajja f’Malta hu tort tal-Gvern stess. Il-Ministru tal-Finanzi stess ammetta diversi drabi li qed iżomm apposta għoli l-prezz tal-petrol u d-diesel u hu għal din ir-raġuni li l-ħaddiem Malti qed ibati l-ogħla għoli tal-ħajja fl-Ewropa.

Dawn l-aħħar ċifri jkomplu jikkonfermaw – fuq kollox – dak li ammetta l-Gvern stess fl-Economic Survey li ppubblika hu stess mal-baġit, fejn f’paġna 25 tal-Economic Survey il-Gvern ta ċ-ċifri li juru ċar li l-paga reali tal-ħaddiema Maltin naqset mill-aħħar tal-2012 sa Ġunju li għadda. Din ix-xejra issa hi kkonfermata wkoll mill-Eurostat sa Settembru.

Fi stqarrija dwar dan, il-Partit Nazzjonalista qal li dan kollu juri li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb biss għal tal-qalba li qed jiffangaw fuq flus il-poplu; il-bqija tal-ħaddiema qed jaraw il-livell tal-għajxien tagħhom jistaġna u saħansitra jonqos, kif ammetta l-Gvern stess fil-pubblikazzjoni tal-Economic Survey tiegħu mal-baġit.