Xokk fost ir-residenti tan-Nadur, li llum waranofsinhar saru jafu li ħabib tagħhom instab mejjet f’ġiebja li tinsab f’għalqa li r-raġel kien jaħdem fiha biex jgħaddi siegħa żmien.
Ir-raġel, Toni Portelli ta’ 59 sena min-Nadur stess, hu missier ta’ tlett itfal. Hu nstab bla ħajja fil-ġiebja fl-għalqa, li tinsab fl-inħawi ta’ San Blas, wara li għall-ħabta tas-2.10pm xi persuni nnutaw x’ġara u għamlu kuntatt immedjatament mal-Pulizija.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt, jirriżulta li qabel waqa’ fil-ġiebja, Portelli seta’ ħabat rasu. Kien għalhekk li hu ntilef minn sensieh u miet mgħarraq.
Maħbub fil-gżira Għawdxija, b’mod partikolari fin-Nadur, Toni Portelli kien ilu għal ħafna snin jaħdem fis-Seminarju Minuri f’Għawdex. Fuq Facebook, is-Sindku tan-Nadur Edward Said sellem lil Portelli u qal li “mhux se jkun Milied tas-soltu. Ħalliena bniedem tal-familja u missier eżemplari li bata ħafna u ħabb lil kulħadd”.
Fil-post fejn seħħ il-każ issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li wara li neħħew l-ilma setgħu jtellgħu l-ġisem bla ħajja. Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-għassa, li ħatar diversi esperti biex jassistuh f’Inkjesta Maġisterjali. Il-Pulizija għadhom qed jinvestigaw il-każ.
Hawn taħt tistgħu ssegwu r-reazzjoni tax-Shadow Minister għall-Għawdex fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
//= $special ?>