Internazzjonali

Ħabs għal min jiċċelebra l-Milied fil-Brunei u s-Somalja

Fil-Brunei, min jinqabad jiċċelebra l-Milied b’xi mod qed jissogra piena ta’ ħames snin ħabs.
Dan hekk kif is-Sultan tal-Brunei, Hassanal Bolkiah, li għandu 67 sena u hu wieħed mill-aktar persuni sinjuri fid-dinja, qed jadotta linja Iżlamika aktar fundamentali partikolarment wara li s-sena li għaddiet introduċa l-liġi Iżlamika tax-Sharia hekk kif għal ċerti reati issa hemm it-tħaġġir.
L-awtoritajiet tal-Brunei qalu li ebda ċelebrazzjoni pubblika tal-Milied mhi permessa. Dan jgħodd kemm għat-tiżjin kif ukoll għall-awguri tal-Milied. Dan għaliex qed jitqies li dan hu ta’ theddida għat-twemmin Musulman tal-pajjiż. L-Insara se jitħallew jiċċelebraw il-Milied imma biss ġewwa l-konfini tal-komunità tagħhom u qabel iridu jinfurmaw lill-awtoritajiet.
Pass simili tħabbar ukoll mill-Gvern tas-Somalja fejn għall-istess raġunijiet tal-Brunei, il-Milied ma jistax jiġi ċċelebrat f’postijiet pubbliċi fosthom ukoll il-lukandi. Imma ċ-ċelebrazzjonijiet se jitħallew isiru fil-bażijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Afrikana u li qegħdin hemm biex jikkumbattu lill-militanti Iżlamiċi tal-al-Shabab.