Il-President Tuneżin Beji Caid Essebsi ħabbar li l-istat ta’ emerġenza li kellu jintemm il-Ħamis kien se jkun imġedded b’xahrejn oħra, għall-21 ta’ Frar.
Permezz tal-istat ta’ emerġenza, il-forzi tas-sigurtà fil-pajjiż għandhom poteri akbar u ċerti drittijiet huma sospiżi. Essebsi qal li d-deċiżjoni saret wara konsultazzjonijiet mal-Prim Ministru u l-Ispeaker tal-Parlament.
L-istat ta’ emerġenza kien dikjarat wara attakk suwiċida x-xahar li għadda li fih inqatlu 12-il membru tal-Gwardja Presidenzjali fil-belt kapitali Tuneż – it-tielet attakk terroristiku fil-pajjiż din is-sena wara l-attakk fil-Mużew Bardo fil-belt kapitali u f’bajja mimlija turisti f’Sousse.
Minbarra stat ta’ emerġenza, l-awtoritajiet għalqu l-fruntiera mal-Libja u imponew curfew fil-kapitali imma dan tneħħa x-xahar li għadda. Hekk kif it-Tuneżija estendiet l-istat ta’ emerġenza, il-Mali, ġar tat-Tuneżija, ħabbar li għall-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, fil-pajjiż se jkun dikjarat stat ta’ emerġenza.
Imġedded l-istat ta’ emerġenza fit-Tuneżija


