Il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni sabet li ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ korruzzjoni fil-konfront tal-eks Ministru Jason Azzopardi u l-uffiċjali mid-Diviżjoni tal-Propjeta’ tal-Gvern f’każ li jmur lura ħames snin.
Kien fl-2010 li Charles Catania ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni fejn ilmenta li familtu ma’ ngħatatx il-pussess ta’ għalqa qrib il-Gudja. Din l-għalqa kienet tal-Knisja iżda imbagħad għaddiet għand il-Gvern.
Skont id-Diviżjoni tal-Propjeta’, Dennis Catania ma kellux jedd fuq il-propjeta’ li għaddiet għand żewġ każini tal-banda fil-Gudja stess biex minnha jittella’ l-logħob tan-nar.
Jason Azzopardi , li kien ċert li hu kien innoċenti f’dan il-każ, insista li l-Kummissjoni tibqa’ tinvestiga l-każ u filfatt ħareġ li ma nstabitx lanqas xrara ta’ korruzzjoni, attentat ta’ korruzzjoni jew kompliċita’ biex titwettaq korruzzjoni.
Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalisa qal li r-rapporti tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni dwar każ ta’ pussess ta’ art fil-Gudja li jmur lura għall-2010 u dwar il-każ tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg jikkonfermaw id-differenza li teżisti fil-politiċi ta’ pajjiżna.
Fl-ewwel każ, il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni sabet li ma kien hemm ebda ħjiel jew forma ta’ korruzzjoni, jew tentattiv ta’ korruzzjoni, abbuż u ingann fl-għoti tal-art mid-Diviżjoni tal-Proprjeta’ tal-Gvern li dak iż-żmien, kien responsabbli politikament għaliha Jason Azzopardi.
Fit-tieni każ, iżda, l-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni kkonfermat u għamlet tagħha rapport tal-Ombudsman li juri kif il-permess tal-bini ta’ farmhouse ta’ Ian Borg f’Wied Santa Katerina fir-Rabat ingħata b’ingann u abbuż.
Il-Partit Nazzjonalista kompla li dan huwa eżempju konkret tad-differenza li teżisti fil-politiċi. Fuq naħa, l-poplu Malti u Għawdxi għandu Kap tal-Partit Nazzjonalista li jmexxi b’onesta’ u serjeta’, filwaqt li fuq naħa oħra, għandek Mexxej tal-Partit Laburista li jiddefendi l-abbuż u l-ingann.
//= $special ?>