Il-grupp Sadeen, iffurmat minn investituri Ġordaniżi li l-Gvern għaddielhom art ODZ f’Żonqor biex jibnu istituzzjoni ta’ edukazzjoni, qed jibbażaw l-investiment tagħhom fuq self mill-banek. Dan kien ikkonfermat mill-Gvern lil The Times of Malta fl-aħħar żvilupp minn sensiela sħiħa ta’ kontroversji b’rabta mal-grupp Sadeen.
Kien id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech, li f’dibattitu maratona li dam 15-il siegħa, qajjem dubji fil-Parlament dwar minfejn se jiġu l-fondi għall-proġett tas-Sadeen. Dan hekk kif id-diskrepanza bejn il-kapital tal-kumpanija u l-flus li hemm bżonn għall-proġett hi waħda kbira ħafna.
Il-kumpanija hi ffurmata minn Hani Hasan Salah, li jokkupa l-karigi kollha minn Direttur sa Segretarju tal-kumpanija, filwaqt li miegħu għandu biss lil qarib tiegħu, Rakan Hani Hasan, li għandu biss sehem wieħed. It-tnejn li huma niżżlu biss PO Box f’Amman, fil-Ġordan, bħala l-indirizz tagħhom.
Dan il-proġett ilu xhur imdawwar mill-kontroversja, mhux biss minħabba li l-Gvern Malti ta art pubblika lill-barranin, iżda wkoll minħabba s-segretezza dwaru.
//= $special ?>