Lokali

Michelle Muscat tagħmilha ta’ medjatur waqt laqgħa mimlija għajjat u tgħajjir

Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru, serviet bħala medjatur waqt laqgħa bejn Gunner Rudy Catania u l-Kmandant tal-Armata, il-Brigadier Jeffrey Curmi kif ukoll id-Deputat Kmandant Mark Mallia.

Din il-laqgħa saret jumejn ilu f’Villa Francica, f’Ħal-Lija, jiġifieri fir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru u damet madwar sagħtejn.

Il-kwistjoni bdiet minħabba li Catania qed jallega li sofra inġustizzja meta tniżżel minn rank ta’ officer cadet għal gunner, bil-konsegwenza li ma baqax eliġibbli għall-Midalja tas-Servizz fit-Tul u Effiċjenti.

Skont Catania, li ressaq protest ġudizzjarju fil-Qorti, fejn qed jiġi rappreżentat mill-Avukat Jason Azzopardi, hu ġie degradad u ma tħalliex jipparteċipa f’kors fl-Akkademja Militari ta’ Sandhurst.

F’Lulju hu kien talab rimedju li minkejja li kellu dritt għalih ġie rifjutat u mill-ġdid talab rimedju ieħor f’Awwissu li ġie aċċettat imma qatt ma ngħata risposta.

Madwar sitt ġimgħat ilu talab rimedju ieħor fejn argumenta li d-deċiżjoni kontrih kienet arbitrarja, illegali, abusiva u tmur lil hinn mil-liġi minkejja l-prestazzjoni tajba u b’mod konsistenti tiegħu.

Minkejja li kien l-obbligu tagħhom skont il-liġi militari, l-ogħla uffiċjali tal-armata rrifjutaw li jirrispondu u kien għalhekk li l-Gunner Catania talab laqgħa mal-mara tal-Prim Ministru.

Jirriżulta li din saret drawwa li min ma jkunx jaqbel ma’ xi ħaġa fl-armata jiltaqa’ ma’ Michelle Muscat.

Madankollu, skont il-Protest Ġudizzjarju, Muscat ma tantx għamlet differenza bħala medjatur hekk kif din il-laqgħa kienet karatterizzata minn  għajjat u tgħajjir, bil-Brigadier Curmi li allegatament irrefera għal Catania bħala stupidu waqt li l-Kurunell Mallia saħansitra akkużaw li seraq dokumenti mediċi, xi ħaġa li Catania jiċħad.

Catania qed jallega wkoll li matul din il-laqgħa ħareġ biċ-ċar li l-intenzjoni tal-uffiċjali għolja fl-Armata hi li jkeċċuh minkejja li l-akkużi tagħhom mhux appoġġjat mill-provi.