Minkejja li Ian Borg ilu madwar sentejn u nofs li ħalla postu bħala Sindku ta’ Ħad-Dingli, il-Kunsill Lokali ta’ dan ir-raħal għadu sa llum isofri mill-problemi li ħalla warajh.
Filfatt dan l-istazzjon jista’ jikkonferma li fl-aħħar ġimgħat il-Kunsill Lokali weħel penali ta’ €11,737.66 (txt) minħabba li fiż-żmien meta Ian Borg kien imexxi dan il-Kunsill Lokali, kien hemm dokumenti nieqsa jew dokumenti u/jew proċessi li ma sarux kif suppost b’rabta mal-Heritage Trail.
Dan il-heritage Trail kien ukoll wieħed mis-sinjali ċari ta’ firda li Ian Borg kien beda fi ħdan l-istess kunsill, hekk kif bħala Segretarju Parlamentari lanqas biss kien stieden lis-Sindku suċċessiva, Venera Micallef, għall-ftuħ tat-tieni parti ta’ dan il-proġett.
Bħal Ian Borg, anke’ Venera Micallef ġejja mill-Partit Laburista iżda l-kunsilliera l-oħra mill-istess partit u li kienu fl-amministrazzjoni tagħha għamlu minn kollox biex ifixkluha f’ħidmietha. Konsegwenza ta’ din il-firda, u minkejja li Venera ma ħarġitx għall-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-amministrazzjoni preżenti għadha ssofri r-riperkussjonijiet.
Din il-penali hi l-aħħar daqqa ta’ ħarta għall-Kunsill Lokali minħabba Ian Borg. Filfatt dan ħalla warajh dejn kbir, ta’ madwar €150,000, li ħareġ iktar fil-pubbliku wara li Ian Borg irriżenja biex ħa l-pożizzjoni ta’ Segretarju Parlamentari.
Filfatt fil-minuti tal-aħħar laqgħa tal-Kunsill, fejn ġew appprovati l-kontijiet tal-Kunsill Lokali, jingħad li s-Sindku Sandro Azzopardi ppropona li għalissa jitħallsu biss il-kontijiet kif indikati fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja li jinsab fiha l-kunsill.
Dan hu rifless ukoll fin-nuqqas ta’ proġetti li l-Kunsill Lokali wettaq kemm taħt Venera Borg kif ukoll issa, meta t-tmexxija hi f’idejn Sandro Azzopardi – wieħed minn nies ta’ Ian Borg u fost l-ewwel li dan daħħal jaħdmu miegħu fis-Segretarjat Parlamentari.
Bħalissa Ian Borg jinsab ukoll taħt pressjoni biex jirriżenja, b’mod speċjali minn naħa tal-għaqdiet ambjentali, wara li l-Ombudsman stabilixxa li hu u l-MEPA użaw metodi ta’ ingann u deliberati fl-applikazzjoni għal żvilupp ta’ propjeta fir-Rabat.
//= $special ?>