Lokali

“Nixtieq lil xi ħadd jgħini nċaqlaq subgħajja” – Mario Mifsud

Fil-programm Newsfeed tal-bieraħ filgħaxija, Mario Mifsud qasam l-esperjenza tiegħu fuq NET Television. Hu rrakkonta l-istorja ta’ kif tilef il-pala ta’ idejh waqt inċident fuq il-post tax-xogħol, u għaldaqstant hu jagħmel użu min id prostetika.

Waqt il-programm, hu fakkar fil-mument meta għall-ewwel darba ingħata l-id artifiċjali tax-xellug, u qabbel l-emozzjoni li ħass dak il-ħin, mal-ferħ li tħoss omm meta tirċievi lit-tarbija tagħha għall-ewwel darba f’ħoġorha.

Punt li spikka minn din l-intervista’, kien il-fatt li Mario Mifsud għamel appell lill-studenti tal-MCAST u l-Universita’, sabiex isiru aktar riċerki biex itejbu t-teknologija attwali li hawn. Hu qal, li preżentament, l-id prostetika li jagħmel użu minnha għad għandha ċertu nuqqasijiet fosthom li m’għandux il-possibilta’ li jaqbad ċertu oġġetti sew.

Filwaqt li stqarr li r-riċerka tiswa ammont sostanzjali ta’ flus, hu appella sabiex isiru aktar studji f’dan ir-rigward, sabiex jgħinu lil min jinsab f’din is-sitwazzjoni tant frustranti.

Finalment, hu xtaq iwassal messaġġ li kull minn għadda minn esperjenza simili, sabiex ma jaqtax qalbu u jżomm ruħu attiv, għaliex attwalment qegħdin isiru passi kbar il-quddiem fir-riċerka għal dan il-għan. Din l-istess riċerka, għandha tkun meqjusa important minħabba li tnaqqas id-dipendenza ta’ dawn in-nies.