Kurżitajiet

Polemika fi Spanja dwar is-Slaten Maġi

Pjan biex fil-purċissjoni tradizzjonali li ssir l-għada tal-Milied f’Madrid, wieħed mis-Slaten Maġi jitneħħa u minfloku titpoġġa mara, qanqal polemika kbira.
Fid-distrett ta’ San Blas-Canillejas, dawk li qed jorganizzaw il-parata qablu li jkun hemm din il-bidla b’rikonoxximent għall-ugwaljanza tan-nisa.
Intqal li dik li qed tissejjaħ “ir-Reġina” aktarx se tieħu post Melchior jew Caspar.
Pjani simili tħabbru mill-kunsill ta’ distrett ieħor ta’ Madrid, dak ta’ Puente de Vallecas, filwaqt li d-distrett ta’ Usera qed jikkunsidra pass simili.
Dawn id-deċiżjonijiet qanqlu għagħa hekk kif ingħad li b’hekk kienu qed jitkissru t-tradizzjonijiet reliġjużi fil-pajjiż. Intqal ukoll li dan kien pass biex mill-festa tal-Milied jitneħħa kull sens ta’ reliġjon.
Esperanza Aguirre, kelliema għall-Partit Popolari, qalet li l-partit kien kontra dan il-bdil u fakkret li s-Slaten Maġi kienu rġiel u kienu parti integrali mill-istorja. Aguirre qalet li filwaqt li kienet favur l-ugwaljanza, kien hemm limitu għal kollox.