Internazzjonali

Splużjoni fuq ajruplan f’Istanbul

Il-Pulizija fit-Turkija qed tipprova tistabbilixxi x’kienet il-kawża wara splużjoni abbord ajruplan vojt f’wieħed mill-ajruporti ta’ Istanbul. Din l-isplużjoni ħalliet mara mejta u persuna oħra midruba.
L-isplużjoni seħħet fuq ajruplan ta’ Pegasus Airlines li kien wieqaf u vojt fl-ajruport ta’ Sabiha Gokcen. Il-vittma kienet mara li marret biex tnaddaf l-ajruplan u l-persuna midruba hi kollega. Skont xi xhieda, instemgħu tliet splużjonijiet minn ġewwa l-ajruplan.
Fl-ajruport fil-pront daħlu fis-seħħ diversi miżuri ta’ sigurtà u wara ftit, it-titjiriet reġgħu lura għan-normal. Rapporti qalu li l-isplużjoni kkawżat toqba f’tieqa minn tal-ajruplan.
Fit-Turkija huma attivi kemm terroristi tal-ISIS kif ukoll dawk Kurdi u ta’ gruppi estremisti tax-Xellug.