Fin-Norveġja seħħew dawk li qed jiġu deskritti bħala żewġ inċidenti kontra l-Milied.
Fl-ewwel każ, ġenituri ta’ tfal fi skola pubblika huma rrabjati għall-fatt li l-amministrazzjoni tal-iskola bagħtet formula ta’ applikazzjoni lill-ġenituri biex jawtorizzaw lil uliedhom jieħdu sehem fi tradizzjoni tal-Milied. Fin-Norveġja, hi tradizzjoni tal-Milied li wieħed idur madwar siġra tal-Milied u jgħanni għanjiet tal-Milied.
Issa, l-amministrazzjoni tal-iskola qed teżiġi l-awtorizzazzjoni tal-ġenituri biex uliedhom jieħdu sehem f’din it-tradizzjoni għax qed titqies bħala tradizzjoni Nisranija.
L-amministrazzjoni tal-iskola qed tisħaq li qed timxi mad-direttivi tad-Direttorat Norveġiż għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ li min-naħa tiegħu aġixxa wara sentenza mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Spjegat li għaliha, it-tradizzjoni tal-għanjiet madwar is-siġra tal-Milied hi tradizzjoni marbuta mal-kultura Nisranija u għalhekk ma tridx taqbeż xi limitu u trid tħares lilha nnifisha.
Ħafna ġenituri qed iqisu din il-limitazzjoni fuq tradizzjoni tal-kultura tal-post bħala parti minn ‘gwerra kontra l-Milied’. Qed jistaqsu għalfejn tradizzjoni li ilha teżisti s-snin issa saret xi ħaġa li l-ġenituri jridu jawtorizzaw. Qed jinsistu li t-tradizzjonijiet huma importanti għat-tfal biex jitrabbew fil-kultura tal-post u li din m’għandhiex tinbidel minħabba t-twemmin ta’ ħaddieħor.
Il-‘ħaddieħor’ f’dan il-każ huma l-immigranti Sirjani, fil-parti l-kbira tagħhom Musulmani, li żdiedu bil-bosta fl-aħħar xhur fin-Norveġja. Il-wasla tagħhom żiedet mas-sentiment ta’ kontra l-immigrazzjoni u, bħal fi Franza, qed tgħin lill-faxxa politika tal-lemin estrem.
Iktar kmieni din is-sena kien hemm protesti fin-Norveġja meta diversi ċentri li kienu se jilqgħu b’mod temporanju lill-immigranti, intalbu biex ineħħu kull simbolu jew immaġni reliġjuża biex joħolqu ambjent “newtrali”. Fil-parti l-kbira tagħhom, dawn iċ-ċentri huma propjetà tal-Knisja.
F’kontroversja oħra marbuta mal-Milied, fin-Norveġja wkoll, il-Gvern ġie taħt kritika qawwija meta fuq il-paġna ta’ Instagram ittellgħu ritratti ta’ biskuttini tal-ġinġer fil-forma tal-ajruplani militari. Dawn saru biex jikkommemoraw ix-xiri ta’ ajruplani militari mill-Gvern Norveġiż u ntużaw il-biskuttini tradizzjonali tal-Milied biex iwaħħdu l-avveniment maż-żmien li ninsabu fih. Il-Gvern kellu jneħħi r-ritratti minn fuq Instagram u joħroġ apoloġija.
//= $special ?>