Lokali

2015: sena ta’ żvolta

Il-mod kif mexa l-Gvern fil-każ taż-Żonqor hu xempju ta’ dak kollu li hemm ħażin fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż mill-Gvern Laburista.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fil-programm Newsfeed li matulha ta ħarsa lejn is-sena li qed tintemm u l-ħidma għall-2016.

Din taż-Żonqor kienet waħda minn sensiela ta’ skandli wieħed wara l-ieħor li kkaratterizzaw is-sena 2015, li żgur ma kienitx sena tajba għall-Gvern. Simon Busuttil fakkar kif is-sena bdiet bit-tentattiv ta’ cover-up mill-Gvern fl-isparatura mix-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, u kompliet b’diversi skandli, fosthom tal-Cafe’ Premier, tal-propjetajiet ta’ Gaffarena u taż-Żonqor.

Il-Kap tal-PN staqsa x’passi se tieħu l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla hekk kif sar magħruf li l-iżviluppatur tħalla jirriklama b’mod qarrieq is-suppost universita’ amerikana u li issa tidher li la hi Amerikana u lanqas ma hi universita.

Min-naħa l-oħra, is-sena tal-Partit Nazzjonalista fl-Oppozizzjoni kienet waħda ta’ iktar tibdil, bil-bidla ewlenija tkun it-transizzjoni minn oppożizzjoni effettiva għal Gvern alternattiv, b’ideat f’numru ta’ oqsma bħall-ekonomija, il-finanzi u t-tmexxija għaqlija. Simon Busuttil iddeskriva l-2015 bħala turning point għall-PN

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar id-dokumenti maħruġa din is-sena mill-Partit Nazzjonalista dwar l-ekonomija u l-governanza, li fihom diversi proposti konkreti. Mistoqsi għaliex ħareġ il-proposti daqshekk kmieni meta għad fadal iktar minn sentejn għall-elezzjoni ġenerali, Simon Busuttil wieġeb li hu mhux se jagħmel bħalma għamel Muscat meta kien Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-PN hu tal-fehma li l-ideat u l-proposti jkunu ippublikati minnufih u jekk il-Gvern jattwa xi proposti minnhom, dan ikun ta’ sodisfazzjon għax fl-aħħar mill-aħħar, il-PN dejjem ħadem għall-ġid tal-pajjiż, irrispettivament jekk hux mill-Gvern jew mill-Oppożizzjoni.