Lokali

AĠĠORNATA: Jasal Malta Pierre Baldacchino, l-ajruplan jinżel għall-ħabta tas-6.45pm

Il-Gvern ma jweġibx lil NETnews.com.mt

L-aħħar aġġornamenti: Għall-ħabta tas-6.45pm, l-ajruplan Medavia bit-titjira MDM2401 għamel l-inżul tiegħu fl-Ajruport internazzjonali ta’ Malta. , abbord dan l-ajruplan kien hemm Pierre Baldacchino.

Aktar kmieni …
Il-Malti Pierre Baldacchino, li kien ilu maħtuf 8’ijiem fil-Libja, iżda fortunatament inħeles t-Tlieta li għadda, mistenni jasal Malta dalwaqt.

Bħalissa, ajruplan tal-Medavia bi Pierre Baldacchino abbord, jinsab fi triqtu lejn Malta.

NETnews.com.mt jista’ jiżvela li r-ritorn ta’ Baldacchino f’pajjiżna qed isir biex il-missier ta’ żewġt ibniet ikun jista’ jgawdi l-Festi tal-Milied mal-familja tiegħu.

Mat-tluq tiegħu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, dehru telgħin abbord fost oħrajn, is-sid tal-Isptar St James, Josie Muscat, u anke ibnu, Jean Claude Muscat, li hu l-Kap Eżekuttiv ta’ St. James International Operations.

Sadanittant, NETnews.com.mt ipprova jagħmel kuntatt mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin biex jikkonferma din l-aħbar.

Madankollu, kuntatt mal-Kapijiet tal-Komunikazzjoni taż-żewġ Uffiċċji rriżultaw fin-negattiv. Fil-fatt, mistoqsijiet b’email lill-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif ukoll telefonati u messaġġi li tħallew lill-Kap tal-Komunikazzjoni fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin baqgħux mhux imwieġba.

Madankollu, NETnews.com.mt jista’ jiżvela li Pierre Baldacchino mistenni jasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta abbord titjira tal-Medavia għall-ħabta tas-6.15pm.

Aktar dettalji kif jaslulna …