Knisja Lokali

Filmat: Nipprattikaw il-ħniena fil-ħajja tagħna

F’dan iż-żmien ta’ festi li nħennu u ngħinu lil xulxin huwa l-qofol tal-messaġġ tal-Arċisqof Charles fejn madnakollu għandna nżommu dan l-istess messaġġ anke għal matul is-sena l-ġdida, li matulha l-Knisja se tkompli tiċċelebra s-Sena tal-Ħniena.

Fid-dawl tas-Sena tal-Ħniena, l-Arċisqof qal li bħala impenn, ilkoll kemm aħna għandna “nbiddlu l-istil tal-ħajja tagħna u nipprattikaw il-ħniena.”

Tul il-messaġġ tiegħu, li nġibed fid-Dar tal-Provedenza, l-Isqof Scicluna tkellem ukoll dwar l-importanza li nilqgħu fostna lill-barranin. Huwa saħaq li f’dan il-Milied irridu naħdmu wkoll biex il-ħniena tkun ħniena konkreta ma’ kulħadd.

Mons. Charles Scicluna qal li hi ħaġa sabiħa li f’dan il-Milied nibdew naħsbu wkoll fil-ħniena spiritwali, li nagħtu parir tajjeb lill-oħrajn, li nieħdu paċenzja anke f’xi kuntrarju.

L-Arċisqof qal li f’dawn il-jiem, ħafna drabi l-anzjani, in-nanniet ikunu ħerqanin biex jiltaqgħu mal-qraba tagħhom – man-neputijiet u ma’ wliedhom – biex jiċċelebraw flimkien dawn il-festi sbieħ. Huwa qal wkoll kemm hemm minn hu xxurtjajt li għandu l-familja madwaru hekk kif ilkoll nafu kemm hija kiefra s-solitudni, u kemm hi ħaġa sabiħa meta nimpenjaw ruħna biex dak li jkun waħdu ma nħalluhx waħdu imma naħsbu fih, imqar b’telefonata jew messaġġ żgħir. L-Arċisqof saħaq li huwa importanti li naqsmu l-ħin li huwa rigal prezzjuż u naqsmuh man-nies ta’ madwarna.

Mons. Scicluna fakkar li bħala Nsara, “aħna midjunin mal-Mulej, u lkoll kemm aħna għandna bżonn nitolbuh maħfra tan-nuqqasijiet tagħna.”

Fl-aħħar nett, waqt li nħarsu lejn Ġesù Bambin fil-grotta, l-Arċisqof ħeġġeġ biex nitolbu l-grazzja li dan il-Milied ikun mimli ħniena.