Internazzjonali

Il-Milied joqrob, fost riflessjoni u ritwali madwar id-dinja

In-nies tad-dinja qegħdin iħejju biex jiċċelebraw Jum il-Milied fl-aktar ġurnata attiva tas-sena u fost mewġa ta’ ritwali u tradizzjonijiet familjari u mhux daqstant familjari.

Dan hu żmien iddominat minn riflessjoni spiritwali, bl-element kummerċjali wkoll jilħaq il-qofol tiegħu wara spinta ta’ ftit ġimgħat. Intant, il-ġurnata tallum, jew lejliet il-Milied hu l-aħħar jum fejn in-nies jistgħu jixtru r-rigali u jippreparaw għall-ikla tradizzjonali. Ma jonqsux l-ikliet tradizzjonali għall-familja waqt li, bħal kull sena, għexieren ta’ eluf ta’ devoti se jattendu l-quddies tal-Milied fil-knejjes u l-kattidrali madwar id-dinja bħala l-aktar ċelebrazzjoni sinifikanti tal-Kristjaniżmu.

It-tradizzjonijiet għall-Milied huma diversi u jistgħu jmorru ħafna ‘l hinn mis-sempliċi kunċett ta’ Santa Klaws, id-dundjan u l-mince pies li huma tant sinonimi mal-istaġun tal-festi.

Eżempju ta’ dan isir kull sena fir-Rumanija fejn irġiel żgħażagħ lebsin ta’ karattri strambi, bil-maskri grotteski u l-peltijiet tan-nagħaġ, iduru fit-toroq ta’ Luncavita, għal Lejliet il-Milied. F’din it-tradizzjoni, iż-żgħażagħ jinterpretaw il-parti ta’ antenati mitiċi magħrufa bħala Mochoi biex ikeċċu l-ispirti ħżiena skont il-kriterji tal-leġġenda lokali.

Fin-Niġerja, numru sabiħ ta’ konkorrenti ħadu sehem fl-ewwel tellieqa bl-isem ‘Santa Dash’ biex jiġġeneraw il-flus għall-karità waqt li l-Kroazja, li hi magħrufa bħala destinazzjoni favorita għall-btajjel tas-sajf, qed tikkonċentra bil-kbir fuq il-maġija tal-Milied biex, kif jgħidu, in-nies jaraw in-naħa l-oħra tal-munita.

Il-kapitali Kroata Zagreb fl-aħħar ġimgħat ippromwoviet lilha nnfisha bħala destinazzjoni xitwija f’kampanja li kellha tibqa’ effettiva sa Jum il-Milied. Dan waqt li programm bl-isem Advent in Zagreb qed jattira dejjem aktar viżitaturi, bil-kapitali Kroata tikseb rikonoxximent għall-aħjar Suq tal-Milied fuq websajt tat-turiżmu popolari.

Intant, ir-realtajiet tallum ma jistgħux ikunu injorati, bl-awtoritajiet f’Pariġi, il-kapitali ta’ Franza josservaw livell ta’ sigurtà akbar mis-soltu waqt li n-nies għaddejjin bix-xiri tal-aħħar minuta. Dan meta l-qawwiet tas-sigurtà mhumiex jieħdu l-iċken ċans b’konsegwenza tal-attakki terroristiċi tat-13 ta’ Novembru mill-ISIS fil-qalba ta’ Pariġi.

L-aspett reliġjuż tal-Milied bla dubju għandu l-qofol f’Betlem fejn id-devoti, fosthom turisti minn madwar id-dinja, qed iħejju għall-Quddiesa tal-Milied tradizzjonali fil-Knisja tal-Natività, li fit-tagħlim tal-Bibbja, hi l-post fejn twieled Sidna Ġesu.

Sadanittant, jeżisti wkoll element ta’ ansjetà f’din il-parti tad-dinja minħabba l-aħħar inċidenti vjolenti fix-Xatt tal-Punent, bit-turisti qed jeżerċitaw il-kawtela anki f’dawn iż-żmenijiet.

L-awgurju tagħna u ta’ kulħadd hu li l-messaġġ tal-Milied din is-sena jasal tassew fejn għandu jasal u li d-dinja tieħu spunt minn dawn il-festi biex tingħaqad u titbiegħed mill-perikli u d-dmija li karatterizzaw l-aħħar xhur.