Lokali

“L-isbaħ rigal li nista’ nirċievi hu li jkolli t-tfal miegħi”

L-istorja ta’ missier ta’ tlett itfal, imċaħħad minn tnejn, għax qed jegħleb il-problema tal-alkoħol

Philip Abela ta’ 49 sena huwa missier ta’ tlett itfal. Iż-żgħira nett hija tifla ta’ 7 xhur u tgħix miegħu. Iżda ż-żewġt itfal l-oħra – tifel ta’ 5 snin u tifla ta’ 4 snin – itteħdulu minn miegħu madwar tliet snin ilu, minħabba l-problema tal-alkoħol li kellu.

F’kummenti ma’ netnews.com.mt Philip esprima diqa għal din id-deċiżjoni tal-awtoritajiet li kienet “kissritu”, iżda li kienet tatu kuraġġ biex minflok it-triq tan-niżla, jaqbad it-triq li kellha twassal biex it-tfal jerġgħu jingħaqdu miegħu.

Bħalissa, iż-żewġt itfal jgħixu għand familji oħra, iżda jiltaqgħu ma’ missierhom regolarment. B’daħka fuq wiċċu, Philip jiddeskrivi l-karattru ferrieħi tat-tfal tiegħu.

“Biex inkunu qegħdin barra u nispiċċa mal-art bit-tfal jaqbżu fuqi, ma trid xejn,” qalilna, bi tbissima fuq wiċċu. Iżda t-tbisisma għebet meta reġa’ ftakar f’dawk is-snin ta’ diffikultà li matulhom kellu jħabbat wiċċu mal-problema tal-alkoħol.

“Ix-xorb mhux faċli u ma tindunax li tkun bdejt iżżid l-alkoħol,” spjega Philip, “bil-mod il-mod is-sitwazzjoni tibda tiggrava mingħajr ma tinduna.”

Meta kien qed jitkellem dwar il-programm li qed isegwi mal-aġenzija Sedqa, Philip irringrazzja lil kull min jgħinu f’din l-aġenzija li tagħmel “il-mirakli”.

“Nista’ nikkonferma jien li mhux faċli taħdem ma’ min ikollu problemi bħalma għandi jien,” fisser Philip, filwaqt li żied “imma jekk tkun trid taqta’ x-xorb, u tkun determinat li ssib l-għajnuna, jirnexxilek żgur.”

Dan il-Milied, Philip se jkollu jqattgħu mingħajr it-tfal. Sitwazzjoni li tweġġa’ lil dan il-missier li jixtieq li t-tfal ikunu miegħu “illum qabel għada”.

Meta konna għand Philip, stajna ninnutaw tliet rigali taħt is-siġra tal-Milied, wieħed għal kull tifel u tifla li għandu. Iżda fid-dar kien hemm biss it-tifla ż-żgħira, għax f’dan iż-żmien ta’ festi, iż-żewġt itfal l-oħra jinsabu ’l bogħod minnu.

“L-isbaħ rigal li nista’ nirċievi huwa li jkolli t-tfal miegħi, li ngawdihom u li nkun nista’ nilgħab magħhom” qalilna b’vuċi miksura Philip, filwaqt li kompla li jħoss li fl-aħħar xhur irnexxielu jagħmel kambjamenti kbar.

“Jien inħoss li din kienet sfida li rnexxieli negħleb” qalilna Philip b’kuraġġ filwaqt li temm b’konvinzjoni li se jkompli jaħdem biex sa fl-aħħar, jerġa’ jingħaqad mat-tfal tiegħu u jkun jista’ jgħix magħhom “bħala familja”.