Fit-terminus tal-Belt Valletta ftit tal-ħin ilu kien hemm numru kbir ta’ nies jistennew għalxejn, uħud li kien ilhom għal siegħa mingħajr informazzjoni ta’ xejn.
Jirriżulta li xi xufiera, għal raġuni mhux magħrufa, iddeċidew li jieqfu fl-10:30, jiġifieri siegħa qabel ippjanat mill-kumpanija li ħabbret li s-servizz tat-trasport pubbliku llum mhux se jopera bejn il-11:30 u t-15:00 f’Jum il-Milied.
Din l-inizjattiva ssir kull sena bi qbil bejn il-kumpanija u r-rappreżentanti tal-ħaddiema bl-għan li x-xufiera tal-karozzi tal-linja u l-ħaddiema tat-trasport pubbliku jkunu jistgħu jgawdu ftit ħin mal-familja.
Barra minn hekk, il-kumpanija ma poġġiet l-ebda avviż mal-bus stops fil-belt, b’uħud minn dawk li tkellmu magħna jispjegaw li skoprew b’dak li kien qed jiġri mill-midja. Xi turisti saħansitra kellhom jitolbu informazzjoni lill-Maltin biex skoprew li kellhom mill-inqas tliet sigħat jistennew għalxejn.
//= $special ?>
