Lokali

Il-President b’messaġġ favur il-ġustizzja soċjali, it-tqassim tal-ġid b’mod ġust u l-għażliet morali

Il-Milied għandu jfakkarna fl-għażliet morali li nagħmlu. Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fakkret dan fil-messaġġ annwali tagħha tal-Milied.

Il-President spjegat kif ‘il bogħod mid-dwal għandna nibqgħu dak li aħna u nifhmu l-għażliet morali li din il-festa ġġib magħha.

“Ġrajja li tridna nibqgħu dak li aħna, bnedmin awtentiċi, li nifhmu l-għażliet morali li ġġib magħha: għażliet li ma jinxtrawx bil-flus; għażliet li ma jitpartux mal-fama, mat-titli u l-pożizzjonijiet, mal-poter, mal-ambizzjoni bla rażan”

Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-Milied hi ġrajja għarwiena minn kull aljenazzjoni materjali u li jgħina nindunaw li t-tlellix tal-mument mhuwex tweġiba tajba għall-mistoqsijiet il-kbar li toffrilna l-ħajja, bil-President tagħti eżempji ta’ uħud minn dawn il-mistoqsijiet.

“Kif nistgħu nibnu dinja ġusta u soċjali? Kif nistgħu niggarantixxu dinja ambjentalment b’saħħitha lill-popli tal-lum u ta’ għada? Kif nistgħu nkattru u nqassmu l-ġid b’mod ekwu?” staqsiet il-President

Dwar it-tqassim tal-ġid b’mod ekwu, il-President kompliet b’messaġġ favur is-solidarjetà ta’ vera.

“Irrid li s-solidarjetà tkun esperjenza konkreta u dejjiema, mhux retorika f’saħna ta’ mument. Irrid li l-imħabba ssib il-milja tagħha fl-azzjoni u mhux fid-diskorsi.”

Fil-messaġġ tagħha l-President irreferiet għal diversi gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, fosthom tfal u persuni bi problemi soċjali, anzjani, morda, dawk minsija, dawk fis-solitudni u dawk li tilfu xi ħadd mill-għeżież tagħhom.

Qalet li dan iż-żmien hu l-mument fis-sena fejn tirrifletti aktar dwar dawk fil-bżonn, filwaqt li wasslet messaġġ ta’ faraġ.

Irrid ngħidilkom li m’intomx waħedkom fit-tbatijiet u t-tagħbijiet ta’ ħajjitkom, li lanqas il-lejl mhu daqshekk mudlam. Irrid ngħidilkom li intom kontinwament tinsabu fi ħsibijieti u f’qalbi.”

Fil-messaġġ tagħha, l-President temmet tgħid li se tkompli tiddjaloga, tirrifletti u taġixxi b’risq il-ġustizzja soċjali, għax fejn m’hemmx ġustizzja soċjali, m’hemmx il-paċi.