Kurżitajiet

Kelb jirringrazzja b’ħafna bews lil min salvah

Ħaddiem tas-salvataġġ laqqat l-ikbar grazzi li qatt irċieva…minn kelb!

Kien mument mill-isbaħ meta ħaddiem tas-salvataġġ irnexxielu jsalva lil raġel u lill-kelb kbir tiegħu minn ilmijiet li kienu qed jogħlew, f’Texas fl-Istati Uniti. Malli l-kelb ħassu sigur, dar fuq ir-raġel li salvah u mlieh bil-bews!

Il-mument emozzjonanti ġie rrekordjat b’filmati u ritratti li ġrew fuq l-internet. Il-fotografu li ħa r-ritratti qal li mal-mument li l-kelb qabeż u sab ruħu fuq l-art, dar fuq ir-raġel li salvah u beda jilgħaqu b’turija ta’ gratitudni.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ issejħu fit-3.30am biex jaraw kif joħorġu raġel u l-kelb tiegħu li nġarru mill-ilmijiet f’għargħar. L-ilma kien diġà laħaq il-livell ta’ sider ir-raġel.

Sid il-kelb tella’ lill-annimal fidil tiegħu fuq spallejh, minkejja l-kobor u t-toqol tiegħu, biex jipprova jsalvah. Imma fl-aħħar it-tnejn li huma spiċċaw jippruvaw iżommu ma’ siġra sakemm waslu l-ħaddiema tas-salvataġġ. Ħaddiem minnhom refa’ lill-kelb u ieħor salva lir-raġel.