Christian Benteke faħħar il-karattru li Liverpool urew fir-rebħa ta’ 1-0 kontra l-lijders tal-Premiership Leicester City. Il-gowl tal-internazzjonali Belġjan temm erba’ logħbiet mingħajr rebħa għal Liverpool u saru l-ewwel tim fl-ogħla diviżjoni li ma qalax gowls kontra Leicester dan l-istaġun.
Benteke ammetta li l-aħħar riżultati ma kinux tajbin biżżejed, iżda jemmen li r-rebħa tal-bieraħ tat prova li Liverpool huma forza. “Urejna li aħna tim tajjeb. L-aħħar ġimgħat kienu diffiċli għalina għaliex ma ġibnix riżultati, iżda naħseb li urejn karattru tajjeb,” qal Benteke.
L-attakant Belġjan daħal matul il-partita flok Divock Origi li kellu joħroġ wara li weġġa’, u jaċċetta l-kompetizzjoni għal postijiet taħt Klopp hu iebes.
“Naħseb kulħadd jista’ jara li għandna skwadra kbira, bi plejers ta’ kwalità. Jien irrid inkun paċenzjuż u nistenna għal meta l-kowċ ikun iridni. Jien tkellimt mal-kowċ ftit jiem ilu u spjega x’qed jistenna minni. Jien nipprova nagħmel li jrid waqt il-logħba,” stqarr Benteke.
Sieħbu fit-tim Daniel Sturridge ikkonferma li ser ikun lest għal logħob, minkejja li Klopp qal li ser ikun nieqes għal perjodu tal-fest biex jirkupra 100%. Fuq Twitter hu qal “Rigal perfett għal Milied bir-rebħa li sħabi għamlu. Fuq nota separata qiegħed nerġa’ nitħarreġ u lest biex nibda.”
//= $special ?>