Internazzjonali

Evakwazzjonijiet fost għargħar bla preċedent fir-Renju Unit

Mijiet ta’ truppi qegħdin jgħinu l-iskwadri għall-emerġenzi Britanniċi biex jimplimentaw miżuri urġenti wara għargħar mingħajr preċedent fl-inħawi ta’ Yorkshire u Lancashire. Dan qed isir fost l-evakwazzjonijiet kontinwi ta’ familji minn diversi zoni.

Is-servizzi għall-emerġenzi fil-belt ta’ York kienu qed ibiegħdu lin-nies mill-periklu, fost twissijiet biex mijiet ta’ residenti jitilqu mill-inħawi qrib ix-Xmajjar ta’ Ouse u Foss, fejn ‘il fuq minn 3,000 biċċa proprjetà jinsabu mhedda mill-għargħar.

Baqgħu fis-seħħ mijiet ta’ twissijiet ta’ allert għall-Ingilterra, Wales u l-Iskozja, fost sitwazzjonijiet meqjusa bħala perikolużi għall-ħajja.

Il-Prim Ministru Britanniku, David Cameron, ikkonferma li l-inċidenza tal-għargħar laħqet livell storiku u kien qed iħejji biex iżur l-inħawi mgħarrqin. Intant, hu sostna li l-awtoritajiet se jagħmlu minn kollox biex jagħtu l-appoġġ neċessarju lin-nies affettwati.

Ix-xita qawwija li niżlet fir-Renju Unit għal żmien il-Milied wasslet biex ix-xmajjar jifqgħu l-art, bl-għargħar javvanza u jkopri nħawi tal-ibliet f’Lancashire u Yorkshire, inklużi Rochdale u Leeds u bnadi tar-reġjun ta’ Greater Manchester.