Lokali

Filmat: 17-il persuna fi sfida ta’ tlajja tal-muntanja ta’ Kiliminġaro

Illum waranofsinhar 17-il persuna telqu lejn Instabul, it-Turkija biex wara minn hemm jibqgħu sejrin lejn it-Tanzanija biex jibdew l-isfida tat-tlajja tal-muntanja ta’ Kilimanġaro. Dan qed jagħmluh bl-għajnuna tal-moviment Ġesu Misjunarju fil-Proxxmu.

Il-vjaġġ ta’ dawn iż-żgħażagħ beda mil-lum 27 ta’ Diċembru 2015 u mistenni jiġu fi tmiemu fl-20 ta’ Jannar tal-2016 pero l-isfida tal-muntanja mistennija tibda’ fit-30 ta’ Diċembru 2015 u tiġi fi tmiemha fil-5 ta’ Jannar 2016.

David Schembri wieħed miż-żgħażagħ li se jagħmel din l-isfida qalilna li l-għan għalhiex se jwettqu din l-isfida huwa biex jiġrbu €70,000 biex tinbena skola fir-raħal ta’ Sorsa fl-Etjopja. David qal li bħalissa s-somma hija ta’ €65,000 u jittama li l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jagħti d-donazzjonijiet tiegħu biex is-somma mixtieqa tintlaħaq.

Min-naħa tiegħu Dun George Galea qassis li qed jgħin għall-bini tal-iskola fl-Etjopja qalilna li li jekk Alla jrid tinbena l-iskola, it-tfal tar-raħal ta’ Sorsa wkoll se jkollhom sfida qawwija quddiemhom, dik li jibdew jattendu l-iskola. Huwa qal li t-tfal fl-Etjopja jkunu qishom skjavi u din hija l-isfida li huma jiffaċċjaw.

Dun George Grima qal li huwa jemmen li din l-isfida se tkun suċċess u li l-iskola l-ġdida se tkun pass enormi l-quddiem għall-edukazzjoni f’Sorsa.

Ħadna wkoll il-kummenti wkoll ta’ Leanne Bartolo u Matthew Camilleri fejn qalulna xi preparaw u x’ħadu magħhom biex iwettqu il-Kilimanjaro Challenge. Fost oħrajn hemm il-backpacks, żraben attaposta għat-telgħat u anke kontenituri tal-ilma apposta. Huma wkoll ħasbulu li jieħdu magħhom numru ta’ ħelu u qalulna li żgur dan se jgħinhom fl-enerġija tagħhom biex jegħlbu din l-isfida ta’ solidarjeta’.