Lokali

FILMAT: It-tradizzjoni tal-presepji – tradizzjoni fil-kultura Maltija

Il-Presepju, hu tradizzjoni mill-isbaħ li għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra. It-tradizzjoni tal-presepju hija pjuttost qawwija fil-kultura Maltija.

Id-dilettanti tal-Presepji huma ħafna u kull presepju għandu l-karatteristiċi personali. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, dejjem ikomplu jiżviluppaw l-idejat.

Fost il-presepji li nsibu għal wiri f’Malta, insibu l-presepju ta’ Ġamsija fil-Għargħur, li ilu jkun għal wiri għal dawn l-aħħar 6 snin. Fil-kummenti tiegħu ma dan l-istazzjoni, wieħed mill-Presepisti ta’ dan il-presepju, Daniel Bezzina spjega kif ta’ kull sena jżid xi ħaġa f’dan il-presepju mekkaniku, flimkien mal presepist Denis Spiteri. Din is-sena għamlu effetti ġodda fosthom movimenti ta’ pasturi u xita. Dan il-presepju s-sena l-oħra rebaħ bħala l-aqwa presepju fost il-presepji mekkaniċi.

Presepju ieħor li nsibuh fil-lokalita’ tal-Għargħur huwa l-presepju li jinsab fil-Kazin tal-Banda ta’ San Bert.

Presepju partikolari li qed jiġi esebit fil-każin tal-Għaqda Mużikali ta’ Sant’ Andrija f’Ħal Luqa, u l-Presepju b’xenarji Maltin. F’dan il-presepju wieħed jista’ jara whud mit-tradizzjonijiet li sawru lil Malta. Dawn ix-xenarji jinkludu l-Imdina, il-Katakombi ta’ San Pawl , l-Għajn tal-Ħasselin tal-Fontana Għawdex, u t-tempju tal-Ġgantija flimkien ma’ djar u postijiet oħra b’karateristika Maltija. Flimkien ma’ dawn ix-xenarji naraw pasturi b’ilbies tradizzjoni malti bħall-Kebbies tal-Fanal, tfal jilgħabu l-passju u oħrajn.

Fl-istess lokalita’ ta’ Ħal Luqa insibu presepju ieħor artisitku. F’dan il-presepju tal-Għaqda Mużikali Unjoni, insibu pasturi oriġinali magħmulin apposta għal dan il-presepju speċifiku li jsir kull sena.