F’dawn l-aħħar jiem tas-sena nħajjar biex iktar bnedmin ta’ rieda tajba jingħaqdu fil-ħidma għas-sewwa tul is-sena li ġejja.
1. Wasalna fl-aħħar tas-sena. Għal uħud kienet diffiċli ħafna, għal oħrajn inqas. Kull persuna kellha terfa’ s-salib jew iġġorr id-domna tagħha. Uħud setgħu qatgħu qalbhom, oħrajn le. Uħud komplew jikkumbattu l-forza kuntrarja għas-sewwa, oħrajn marru sfortunatament magħha. Uħud għaddew mit-travalju tal-mard u jridu jirbħuh, oħrajn le. Id-dinja tibqa’ wied ta’ dmugħ però mhux dejjem nifhmu dan. F’mumenti naqbdu naqtgħu qalbna, f’oħrajn nifhmu li dmirna huwa li nikkumbattu u nikkumbattu b’iktar saħħa għas-sewwa f’servizz tas-sewwa.
2. Il-ġranet li għaddejjin minnhom huma fihom infushom sejħa qawwija u profonda għal dawk li għandhom ir-rieda t-tajba li jaħdmu għas-sewwa u jikkumbattu dak kollu li ma huwiex. Huwa dmir u fl-istess ħin huwa wkoll unur li wieħed jingħaqad ma’ oħrajn favur il-gustizzja, favur l-onestà, favur il-verità u kontra l-banalità tal-ħażen. Huwa x’inhuwa l-post, huwa x’inhuwa s-settur, il-mixja tagħna hija taħt din il-bandiera. Taħt dawn l-ideali, valuri Nsara li nħaddnu u nissieltu għalihom ma’ kull jum tas-sena.
3. Ċerti drabi niżbaljaw li nippretendu li bnedmin oħra fuqna jew taħtna japprezzaw din id-direzzjoni. Nibbażaw ħidmietna naħa jew oħra, ‘il fuq jew ‘l isfel skont kemm se jċapċpulna jew iżidulna fl-approvazzjoni, fil-“like” tagħhom. Dan ma huwiex neċessarjament kejl la tas-suċċess jew effettività ta’ dak li nkunu qed nagħtu sehemna fih. Anqas ma hemm bżonn li jkun hemm effett dirett immedjat ta’ din il-linja għas-sewwa. Ilkoll nafu li l-progress veru jieħu ħinu u l-effett veru fis-soċjetà jimxi b’passi żgħar imma determinanti. L-importanti tibqa’ kemm aħna bnedmin ta’ rieda tajba, kemm dak li qed inwettqu, qed nagħmluh għax huwa tajjeb u ġust.
4. Anzi kull min iġarrab, kull min jiġi mbaskat jaf li hemm diversi mumenti meta se jsib ruħu jimxi waħdu fid-deżert lejn is-sewwa. Ma jfissirx li miexi ħażin, anqas li ma huwiex miexi. Ladarba jrid jaħdem għas-sewwa tal-proxxmu, ladarba jħaddan il-kurazza tal-prinċipji Nsara, allura l-abbandun, is-solitudni, id-disprezz, id-diskors kontrih jew l-insulti tal-oħrajn ma jbiddluhx fi triqtu. Irid jimxi mingħajr ma jħares lura. Iħares biss ‘il quddiem lejn dak li ġej u dak li jrid li jinbidel biex is-sewwa tikber għall-oħrajn u għas-soċjetà li jifforma parti minnha.
5. Dawn huma l-bnedmin ta’ rieda tajba li l-anġli fuq l-għar tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu jibqgħu jsejħu u jgħajtu għalihom mhux biss f’jum il-Milied jew f’dawk preċiż warajh iżda tul is-sena kollha. Is-sejħa għal dawk il-bniedem li inevitabbilment isir skomdu għall-oħrajn u mal-oħrajn. Li jaf li jrid jibqa’ jżomm il-kolp fl-avversità. Li jrid jiġbed bl-eżempju tiegħu bnedmin oħra li għandhom l-istess linja f’qalbhom. Għax il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.
6. Kull min jidħol għall-ħajja pubblika jaf x’inhuma l-għażliet li għandu quddiemu. Jaf li jista’ ma jkunx popolari f’ċerti mumenti però jekk jibqa’ persuna ta’ rieda tajba allura jaf li f’mument jew ieħor se jiġu ssuperati l-ostakli, l-intoppi li qabel dehru tant formidabbli. Kif jgħidu, id-dinja ddur. Bħalissa s-sewwa, l-integrità, ir-rettitudni ma humiex l-ewwel fil-klassifika. Bħalma mhuwiex anqas fuq quddiem nett in-Nisrani. B’dankollu xorta jaf li jrid jibqa’ għaddej għal triqtu għax il-pendlu tal-ħajja jiċċaqlaq. Dan huwa l-bank tal-prova tiegħu.
7. Ftit jiem oħra nitilqu s-sena l-antika u nidħlu fil-ġdida. Ftit jiem oħra napprezzaw iktar li aħna għandna skop speċifiku li ġejna maħluqa għalih. X’inhuwa, nifhmuh biċċa biċċa fit-triq kif jgħidu oħrajn, “strada facendo”. L-importanti li fuq naħa ma naqtgħux qalbna, fuq l-oħra nibqgħu fidili u determinati naħdmu għall-ġid tas-soċjetà. Li nibqgħu altruwisti, relevanti, aġġornati biex nagħtu lura lil ħutna dak li aħna ngħatalna. F’kelma waħda, irridu nibqgħu bnedmin ta’ rieda tajba.
8. F’dawn l-aħħar jiem tas-sena nħajjar biex iktar bnedmin ta’ rieda tajba jingħaqdu fil-ħidma għas-sewwa tul is-sena li ġejja. Mill-qalb nawgura s-sena t-tajba lilkom il-qarrejja kostanti tagħna kollha b’mod speċjali lilek Sur Editur u l-ħaddiema li jagħtu servizz taħtek.
//= $special ?>