Lokali

Aġġornata: Il-Ġermaniż jinstab mejjet f’ċella fid-depot tal-Pulizija – mifhum li neħħa ruħu b’idejh

Il-Ġermaniż kien bla residenza u kien taħt il-vizzju tad-droga

Ġermaniż li kien arrestat mill-pulizija instab mejjet is-Sibt filgħaxija għall-ħabta tal-22:40 fiċ-ċella tad-Depot mill-pulizija tal-lock-up.

Dan ġie kkonfermat waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar li matulha il-Pulizija saħqet li r-raġel neħħa ħajtu b’idu.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-Ġermaniż, minn Stuttgart kien ilu madwar 3 xhur Malta u ġie arrestat mill-pulizija tad-distrett ta’ Tas-Sliema ilbieraħ fuq pusses ta’ droga u serq wara li ntlemaħ fuq xi bjut fil-lokalità tal-Msida. Huwa mifhum li l-Ġermaniż, li ismu għadu ma tħabarx ma kellux residenza fejn joqgħod.

Għaxar minuti qabel seħħ il-każ il-Pulizija ċċekkjaw lill-Ġermaniż fiċ-ċella u hu kien għadu ħaj.

Huwa ngħata l-ewwel għajnuna fuq il-post iżda kien kollu għal xejn. Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-Ġermaniż kellu problemi ta’ droga tant, matul il-lejl għamel talba għal Methadone.

Il-Kummissarju Cassar qal li l-Pulizija se tassisti fil-provista tas-CCTV u informazzjoni oħra li l-Qorti titlob għad-diżpożizzjoni tagħha għall-inkjesta maġisterjali. Il-Kummisarju żied jgħid ukoll li issa qed jikkunsidra li jpoġġi kameras tas-sigurtà anke fiċ-ċelel minħabba li bħalissa qegħdin biss fil-kurituri tal-għassa.

Mistoqsi jekk dawn mhux se jneħħu l-privatezza ta’ dawk mniżmuma fiċ-ċellel huwa saħaq li jekk il-camares fiċ-ċellel jistgħu isalvaw ħajja mela huwa lest li jagħmilhom.

Bħalissa għadejja inkjesta maġisterjali.