Internazzjonali

Il-Kap tal-ISIS ikompli jisfida, fost l-attakki

Analisti li evalwaw diskors għall-għarrieda li għamel il-Kap tal-ISIS, Abu Bakr al-Baghdadi, qalu li siltiet partikolari ‘m’għandhom jimpressjonaw lil ħadd’ u minkejja li Baghdadi ħareġ jhedded speċifikament lill-poplu ta’ Iżrael.

Il-Kap tal-ISIS, permezz ta’ stqarrija rari fuq il-mezzi tal-medja soċjali, qal li l-‘Kalifat’ li qed jiżviluppaw il-ġellieda tiegħu ‘sejjer tajjeb’ u li l-grupp terroristiku li jmexxi għadu ‘b’saħħtu daqs qatt qabel’ minkejja li spiċċa attakkat mill-elementi ta’ alleanza militari internazzjonali.

Filwaqt li l-fortizzi tal-ISIS fis-Sirja u l-Iraq qed jispiċċaw taħt assedju kważi kontinwu, Baghdadi sostna li ‘l-isforzi tal-koalizzjoni jservu biss biex iżidu d-determinazzjoni tal-ISIS’.

Dan kien l-ewwel messaġġ tal-Kap tal-ISIS minn Mejju tal-2015 u minkejja t-ton ta’ sfida, hu minnu li l-ISIS, illum, jinsab taħt pressjoni kbira. Fl-aħħar jiem u ġimgħat, il-qawwiet tal-Punent qatlu diversi kapijiet tat-terroristi filwaqt li qed itellfu ċ-ċirkolazzjoni taż-żejt u riżorsi oħrajn lejn iz-zoni mmexxija minn Baghdadi u sħabu.

Min-naħa tiegħu, Baghdadi reġa’ sfida lill-Istati Uniti biex tibgħat truppi lejn is-Sirja waqt li hedded direttament lil Iżrael. Baghdadi qal li ‘l-ISIS ma nesiex lil dan il-poplu’ u li ‘l-grupp tiegħu, kuljum, qed javviċina dejjem aktar lill-Iżraeljani’.

Intant, il-Kap tal-ISIS fl-ebda ħin, waqt id-diskors, ma rrefera għall-attakki (mill-ISIS) tat-13 ta’ Novembru fi Franza li ħallew għexieren ta’ mejtin u midruba madwar Pariġi.