Lokali

Joħorġu mill-Knisja waqt li familja Etjopjana rrakkontat l-esperjenza tagħha

L-għada tal-Istrina, li kienet l-aqwa messaġġ tal-ġenerożita’ tal-poplu Malti lejn il-proxxmu, f’Ħal Balzan spikka episodju pjuttost bil-kuntrarju.

Persuni li attendew għall-quddies tal-11:30 filfatt innutaw li matul iċ-ċerimonja ġew preżentati żewġ trabi quddiem il-Madonna. L-ewwel mess lil familja Maltija li ppreżentat tarbija ta’ 7 xhur, il-qassis iberikha u wara jerfagħha fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Ftit wara l-kappillan tal-komunita stieden lil familja mill-Etjopja, li dawk li tkellmu magħna spjegaw li ntegrat fil-lokalita’ ta’ Ħal Balzan tant li llum-il ġurnata jitkellmu bil-Malti, biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom.

Dan għaliex illum kienet il-festa tal-Familja Mqaddsa u għalhekk l-idea kienet li dawk preżenti jifhmu li mhux kulħadd għandu x-xorti jgħix f’pajjiżu fis-sigurta’. Iżda hekk kif l-immigranti bdew jaqasmu l-esperjenza tagħhom ma’ dawk preżenti uħud telqu mill-Knisja waqt li oħrajn għażlu li jorbtu jdejhom u ma jċapċpux fi tmiem ir-rakkont.

L-istorja, li waslitilna mingħand xi qarrejja ta’ dan is-sit, filfatt kienet ikkonfermata minn rakkont ta’ persuna oħra li nzertat attendiet għall-istess ċerimonja u tkellmet dwar dak li seħħ fuq Facebook.

Minkejja dan l-episodju negattiv, ta’ min jirrimarka li dan l-aġir seħħ biss minn ftit persuni f’knisja li dak il-ħin kienet mimlija persuni oħra li apprezzaw u ħadu t-tagħlima mill-esperjenza tal-familja.

Filfatt l-istess familja u familji oħra ta’ immigranti li jgħixu f’Ħal Balzan spiss ingħataw iċ-ċans li jesebixxu prodotti minn pajjiżhom waqt attivitajiet lokali u kienu fost l-iktar stands popolari fl-attivitajiet rispettivi.