Futbol Sport

L-isponsor ta’ B’Kara jagħżel il-kowċ Kroat Drazen Besek

Wieħed mill-ismijiet li semma’ l-programm Replay bħall-lum tmien t’ijiem fil-programm tal-Ħadd filgħaxija fuq Net Television, Drazen Besek mistenni jkun il-kowċ ta’ B’Kara. Il-paġna ta’ Replay fuq Facebook tinsab infurmata li Besek se jkun qed jasal Malta għada sabiex jibda l-avventura tiegħu ma’ B’Kara wara li fl-aħħar jiem l-isponsor Franċiz ta’ B’Kara, Bernard Graeff kien qed jagħżel bejn Besek u l-kowċ Serb Milan Milanovic. L-għażla finali ta’ Graeff kienet il-Kroat Besek.

Ġimgħa llu l-programm sportiv Replay esklussivament żvela l-ismijiet ta’ Milanovic u Besek bħala l-akbar favoriti li jieħdu t-tmexxija ta’ B’Kara wara li Giovanni Tedesco tneħħa minn kowċ.

Intant illejla l-Ħadd, jixxandar l-aħħar programm Replay għas-sena 2015. Il-programm tal-lejla, li jibda fid-9:35pm fuq Net Television, se jkun qed jitkellem dwar ir-refereeing f’pajjiżna. Il-mistiedna tal-lejla se jkunu l-Kap tar-Referees Adrian Casha, il-President tal-Malta Football Referees Association Adrian Casha u l-mistiedna residenti Robert Micallef u Konrad Sultana. Il-programm għandu presentazzjoni ta’ Christian Micallef u Sarah Agius.