Qawwiet tal-Gvern Iraqi ħatfu lura l-kontroll ta’ kumpless ewlieni fil-belt ta’ Ramadi fejn il-ġellieda tal-ISIS kienu ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat joffru reżistenza qawwija.
Intant, rapporti qalu li l-kumpless kien ‘taħt il-kontroll assolut’ tal-militar u li ma kien hemm l-ebda sinjali tat-terroristi fl-inħawi speċifiċi. Il-kelliema sostnew li l-aħħar żviluppi jistgħu jfissru ‘t-telfa tal-ISIS f’Ramadi’ iżda s-sorsi ma eskludewx li jista’ għad fadal il-gruppi tar-reżistenza f’dik iz-zona.
Aktar qabel, it-truppi Iraqqin fiz-zona kienu qegħdin javvanzaw b’kawtela fost il-biża’ li l-ISIS żergħu l-isplussivi f’diversi postijiet sensittivi. Ma kien hemm l-ebda indikazzjonijiet dwar l-ammonti ta’ militanti tal-ISIS li kienu qed jiddefendu Ramadi, għalkemm x’aktarx li n-numru kien madwar l-400.
Sadanittant, l-awtoritajiet Iraqqin jemmnu li l-ISIS laħqu ħarbu lejn inħawi fil-Grigal ta’ Ramadi b’konsegwenza ta’ din l-offensiva, fost rapporti ta’ ġlied fl-artijiet lejn il-Lbiċ mill-kumpless inkwistjoni.
Il-Gvern tal-Iraq hu determinat li jieħu lura akkost ta’ kollox il-kontroll sħiħ ta’ Ramadi, li tinsab 55 kilometru biss lejn il-Punent ta’ Bagdad u li kienet waqgħet f’idejn l-ISIS f’Mejju li għadda.
Sadanittant, hemm ukoll it-tħassib dwar id-destin ta’ mijiet ta’ familji li spiċċaw iżolati f’artijiet ta’ ħadd’ qalb iz-zona tal-gwerra ta’ Ramadi.
//= $special ?>