Għalkemm sid iż-żiemel American Pharoah ġie premjat bil-President Award fl-Ingilterra xorta ħareġ diżappuntat waqt ċerimonja oħra li ġiet organizzata fl-Istati Uniti. Waqt l-awards organizzati kull sena mid-diretturi tal-magazine Sports Illustrated, ġie deċiż li l-unur ta’ sportiv/a tas-sena jingħata lit-tennista Serena Williams.
Din id-deċiżjoni ddiżappuntat lil ħafna, speċjalment wara li sondaġġ li sar mal-pubbliku nġenerali wera li 47% ta’ dawk li vvutaw jew 278,824 persuna kienu jippreferu li t-titlu jingħata lil American Pharoah li aktar kmieni din is-sena rnexxilu jirbaħ il-kompetizzjoni prestiġjuża Triple Crown wara assenza ta’ 37 sena. American Pharoah rnexxilu jġib aktar voti mit-team ta’ Kansas City Royal li din is-sena rebaħ il-kampjonati mondjali tal-baseball u anki mill-istilla Arġentina tal-futbol Lionel Messi. Minn naħa tiegħu, permezz ta’ messaġġ li ħalla permezz ta’ twitter, sid American Pharoah, Ahmed Zaya, ma tantx qatt jaħsibha darbtejn biex juri r-rabja tiegħu u tenna li dan kien skandlu li hu u sħabu ġew misruqa minn ġurija li ma tifhimx fl-isport.
Quddiem din ir-reazzjoni minn naħa ta’ Zaya u l-pubbliku sportiv Amerikan inġenerali, id-diriġenti tal-magazine Sport Illustrated ħarġu wkoll stqarrija u sostnew li Williams ġiet dikjarata bħala l-isportiva tas-sena għax matul l-2015 iddominat ix-xena tat-tennis interazzjonali fejn rebħet 53 mis-56 partita li lgħabet. Williams anki rebħet tlieta mill-erba’ tornej grand slam u kienet fl-ewwel post tar-rankings mondjali għal ħafna xhur.
//= $special ?>