Fl-Italja saret petizzjoni lill-Ministeru tad-Difiża u lil awtoritajiet oħra biex il-fdalijiet ta’ Carmelo Borg Pisani jintbagħtu fil-pajjiż.
Il-petizzjoni saret mill-assoċjazzjoni Dignità in Uniforme li qed titlob li l-eroj Taljan jingħata difna dinjituża fis-Sacrario delle Medaglie d’Oro fiċ-ċimiterju Verano f’Ruma. L-assoċjazzjoni qed tinsisti li Borg Pisani hu l-uniku “medalja tad-deheb” li qatt ma ngħata difna dinjituża f’artu.
Minkejja li Borg Pisani kien twieled fl-Isla fl-10 t’Awwissu 1915, u nqatel fil-ħabs ta’ Kordin fit-28 ta’ Novembru tal-1942, kien sar ċittadin Taljan b’naturalizzazzjoni. Għall-Italja hu meqjus rivoluzzjonarju, aġent sigriet u patrijota li ttieħed priġunier mill-armata Ingliża u ngħata l-piena tal-mewt. Imma r-Re Vittorio Emanuele III kien iddekorah b’medalja tad-deheb għad-dedikazzjoni militari tiegħu.
Issa qed issir pressjoni biex il-fdalijiet tiegħu, li ndifnu f’qabar komuni f’Raħal Ġdid, jiġu mgħoddija lill-Italja biex isirlu qabar. Diego Abbo, il-president tal-assoċjazzjoni Taljana, qed jinsisti li kemm l-Italja kif ukoll Malta ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li fost l-oħrajn tgħid li l-pajjiżi firmatorji għandhom jiffaċilitaw ir-ritorn lejn pajjiżhom tal-fdalijiet tal-mejta jew tal-oġġetti personali tagħhom, jekk ikun hemm talba mill-pajjiż jew mill-qraba u jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-pajjiż li fihom ikun jinsab il-mejjet.
//= $special ?>