Internazzjonali

Għexieren ta’ mejtin fil-maltemp li laqat l-Istati Uniti

Il-maqtula b’konsegwenza tal-maltemp qawwi li, fl-aħħar jiem, iddomina r-reġjuni tal-Punent u Nofsinhar tal-Istati Uniti issa qabżu it-43; dejjem skont l-aħħar statistika mingħand is-sorsi infurmati.

L-ammont tal-vittmi mistenni jiżdied wara li mijiet ta’ djar u stabbilimenti nqerdu b’kaġun ta’ għargħar, trombi tal-arja u nżul ta’ borra bla rażan bil-kaos jaffettwa wkoll il-mezzi tat-trasport fiz-zoni partikolari.

Sadanittant, ħarġu aktar twissijiet dwar trombi tal-arja ġodda għall-inħawi ta’ Texas, Arkansas, Louisiana, Oklahoma u Mississippi. Dan filwaqt li l-Gvernaturi ta’ Missouri, Oklahoma u New Mexico kollha ddikjaraw stat ta’ emerġenza b’kaġun tal-elementi.

L-hekk-imsejjaħ ‘Maltemp tal-Milied’ wassal għal diversi sitwazzjonijiet traġiċi, bl-awtoritajiet f’Texas qed jevalwaw l-istraġi wara t-trombi tal-arja li laqtu l-inħawi u qatlu numru ta’ residenti. Il-Gvernatur ta’ Texas, Greg Abbott, qal li l-uffiċċju tiegħu ddikjara Dallas County u zoni oħra tal-Istat bħala ‘ċentri ta’ diżastru totali’.