Kelliema għall-Armata tal-Iraq iddikjaraw il-belt importanti ta’ Ramadi bħala ‘meħlusa mill-ISIS’ wara offensiva li damet għal ġimgħat. Sadanittant, il-militar Iraqi qed jiċċelebra rebħa kbira u sinifikanti fuq it-terroristi li kienu ilhom jokkupaw din il-belt minn Mejju li għadda.
Madankollu, numru ta’ rapporti qalu li kien fadal xorta xi reżistenza minn gruppi ta’ militanti tal-ISIS f’ċerti nħawi ta’ Ramadi. Dan minkejja li s-suldati Iraqqin, fl-aħħar sigħat, kienu tellgħu l-bandiera ta’ pajjiżhom fuq il-kumpless tal-Gvern fiċ-ċentru tal-belt.
Fl-istess ħin, l-indikazzjonijiet li l-Armata kkonsolidat postha fl-aktar postijiet strateġiċi ta’ Ramadi jfissru daqqa ta’ ħarta kbira għall-ISIS, li anki qed ikun suġġett għall-attakki kontinwi mill-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti.
Waqt li kienu għaddejjin bl-offensiva fuq Ramadi, it-truppi Iraqqin qatlu numru ta’ ġellieda u aggressuri suwiċida tal-ISIS li kienu ilhom jiddefendu l-pożizzjonijiet tagħhom qalb il-bini tal-belt.
L-ISIS, sadanittant, ħallew il-mijiet tal-isplussivi qalb it-toroq u l-bini tal-kumpless tal-Gvern, f’Ramadi, li bħalissa tinsab f’idejn it-truppi Iraqqin. Dan meta l-Ġeneral Ismail al-Mahlawi, li qed imexxi l-missjoni militari tal-Armata f’Anbar, qal li t-terroristi li qed jirtiraw minn Ramadi xorta baqgħu jokkupaw xi bnadi tal-belt.
L-offensiva tal-Armata Iraqqija biex tieħu lura Ramadi – li tinsab xi 90 kilometru lejn il-Punent ta’ Bagdad – kienet bdiet fl-ewwel jiem ta’ Novembru. Fl-aħħar sigħat, il-militar tal-Istati Uniti fisser is-suċċessi għat-truppi tal-Iraq fuq il-kamp tal-battalja bħala ‘tragward li għandu jagħmilhom kburin b’dak kollu li wettqu’.
//= $special ?>