Lokali

Il-Bord tal-Governanza Lokali jgħid li s-Sindku ta’ Marsascala m’għamel xejn ħażin meta ftiehem ma’ Sadeen Group dwar il-proġett taż-Żonqor

Minkejja pressjoni fil-ġurnali lokali, u talba formali mill-Front Ħarsien ODZ, il-Bord tal-Governanza Lokali qal li ma kien hemm xejn ħażin dwar qbil li sar bejn is-Sindku ta’ Marsascala u l-Ġordaniżi. Il-qbil kien jitratta l-possibilta’ li l-Ġordaniżi jibnu binja ġdida għall-Kunsill Lokali bħala parti mill-iżvilupp fiż-Żonqor.

Skont ix-xhieda tas-Segretarju Ezekuttiv ta’ dan l-istess Kunsill, is-Sindku kien qiegħed jitkellem ma’ Yousef Al Haroub rigward il-proġett tal-Uffiċju l-ġdid tal-Kunsill. Kien f’dan il-waqt tad-diskussjoni, li r-rappreżentant ta’ Sadeen Group staqsa lis-Sindku jekk hu jistax ikun ta’ għajnuna f’dan il-proġett.

Is-Sindku u s-Segretarju rrispondew din l-offerta’ tal-Ġordaniż, billi proponew li jekk il-MEPA twqqaf fil-proġett tal-binja l-ġdida tal-Kunsill kif inhi pjanata, talbuh jekk isibx oġġezzjoni li s-sede tinbena f’dan il-proġett ta’ Zonqor.
Dan il-kaz tal-Kunsill, kien wieħed mid-diversi kontroversji li tqajmu matul l-approvazzjoni tal-proġett f’Marsascala, flimkien ma’ numru ta’ oppożizzjonijiet minn NGOs.

Il-Bord tal-Governanza Lokali wasal għal din id-deċizjoni fuq żewġ fatturi. Hu qal li fl-aħħar mill-aħħar, hija kompetenza tal-MEPA jekk il-proġett għandux isir jew le. Il-Bord qal ukoll li s-Sindku ħadem fl-interess tar-residenti, fejn għamel it-talba tiegħu biex il-binja tal-Kunsill Lokali tinbena bħala parti milli planning gain. Iġifieri l-bini l-ġdid ikun parti mill-kumpens li Sadeen Group irid irodd lura lill-komunita’ ta’ Marsascala talli ser jibni fiż-Żonqor.