Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li tintrefa’ r-responsabbilta’ politika

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu għall-fatt li għat-tieni darba fi tliet xhur, mietet persuna waqt li kienet fil-kustodja tal-Pulizija. Mill-informazzjoni li ngħatat sa issa, jidher li bħall-ewwel mewt, din tal-aħħar siegħat seħħet billi l-persuna nvoluta neħħiet ħajjitha b’idejha.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u x-Shadow Minister tal-Intern Beppe Fenech Adami fi stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista saħaq li żgur li mhi ta’ ebda konsolazzjoni l-iskuża li dawn l-imwiet seħħew fil-mumenti meta d-detenuti ma kienux taħt il-ħarsien tal-uffiċjali inkarigati. Ma huwa ta’ ebda serħan il-moħħ lanqas il-fatt li nħatret inkjesta tal-Maġistrat tal-Għassa, u dan peress li din it-tip ta’ inkjesta tista’ tieħu ħafna żmien u l-konklużjonijiet tagħha mhux neċessarjament isiru pubbliċi. Tant hu hekk li sa issa, l-pubbliku għadu ma jafx x’ġie konkluż fl-ewwel inkjesta ta’ tliet xhur ilu.

Mid-diskors tal-Kummissarju tal-Pulizija tal-bieraħ, li hu identiku għal dak ta’ tliet xhur ilu, huwa evidenti li wara l-ewwel traġedja ma nbidel xejn biex tiġi evitata t-tieni t-traġedja. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li kull min ikun arrestat, tkun xi tkun ir-raġuni għall-arrest, għandu jkollu d-drittijiet fundamentali tiegħu bħala bniedem imħarsa, nkluż id-dritt li tkun imħarsa ħajtu u saħħtu minn kwalunkwe periklu, nkluż dik ta’ self harm.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li fil-leġiżlatura li għaddiet, meta persuna neħħiet ħajjitha waqt li kienet arrestata, l-Partit Laburista mmexxi minn Joseph Muscat kien għamel kampanja u nsista għal kontabbilita’ politika, tant li talab ir-riżenja tal-Ministru tal-Intern ta’ dak iż-żmien. Issa, li hemm Joseph Muscat fil-Gvern, fi żmien tliet xhur, kien hemm żewġt imwiet, u qidduem dan kollu, Joseph Muscat jibqa’ sieket u Ministru tal-Intern li ma jiftaħx ħalqu. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif Joseph Muscat juża kejl mod għal meta jkun fl-Oppożizzjoni, u kejl ieħor meta jkun fil-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li b’mod immedjat tintrefa’ r-responsabbilta’ għal din it-tieni mewt fil-kustodja tal-Pulizija fi żmien tliet xhur.