Lokali

Il-PBS jistieden ġurnalista tal-PL u jeskludi ġurnalista tal-PN

Każ ieħor ta’ żbilanċ fl-istazzjon nazzjonali; il-Partit Nazzjonalista jitlob spjegazzjoni

F’diskussjoni politika li tat ħarsa lejn l-aħbarijiet ta’ din is-sena, u li saret waqt il-programm TVAM fuq l-istazzjon nazzjonali, il-PBS eskluda ġurnalista tal-media tal-Partit Nazzjonalista.

Dan meta fl-istess diskussjoni kien hemm il-ġurnalista tal-istazzjon Laburista ONE Janice Bartolo.

Id-diskussjoni kienet qed titmexxa minn Norma Saliba, ukoll eks-ġurnalista tal-istazzjon Laburista u fost il-mistiedna kien hemm Owen Galea, eks-ġurnalista tal-media Laburista u eks-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-eks Segretarju Parlamentari Franco Mercieca.

F’protest li ntbgħat lill-istazzjon nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista qal li dan il-programm kien eżempju ċar ieħor ta’ żbilanċ li l-kamra tal-aħbarijiet tal-PBS saret magħrufa għalih.

Id-diskussjoni politika tat ħarsa lejn l-aħbarijiet ta’ din is-sena, konvenjentament għall-PBS, mill-angolu Laburista ferm aktar milli minn angolu imparzjali kif titlob il-Liġi tax-Xandir, żied il-Partit Nazzjonalista.

Fl-ittra ta’ protest, il-Partit Nazzjonalista saħaq li dan l-iżbilanċ kien intenzjonat kif jidher mill-għażla tal-mistiedna, aġir li skont il-Partit Nazzjonalista m’huwiex aċċettabbli.

Il-Partit Nazzjonalista temm jitlob spjegazzjoni lill-Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali Reno Bugeja għal dan l-aġir.

Dan mhux l-ewwel każ ta’ żbilanċ fl-istazzjon nazzjonali. Ftit ġimgħat ilu l-Awtorità tax-Xandir sabet lill-istazzjon nazzjonali ħati li ma xandarx fil-ħin l-aħbar li kien sar theddid mid-deputat Laburista Joe Debono Grech fil-konfront tad-deputat Indipendenti Marlene Farrugia.