Internazzjonali

Jinfetħu l-arkivji tal-eksreġim tal-Vichy fi Franza

L-awtoritajiet fi Franza fetħu l-arkivji ministerjali u tal-pulizija mill-era tal-eksreġim tal-Vichy li kien ikkoopera mal-qawwiet Nazisti li okkupaw il-pajjiż matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

’Il fuq minn 200,000 dokument spiċċaw deklassifikati għall-użu tal-pubbliku u dawn imorru lura għall-perjodu 1940-1944, meta r-reġim immexxi mill-Marixxal Philippe Petain kien fl-aqwa tiegħu. Franza fetħet ukoll numru ta’ dokumenti relatati għall-Gvern proviżorju li ħa postu wara li l-pajjiż kien illiberat mill-ħakma tan-Nazi.

Ir-reġim tal-Vichy, waqt il-gwerra, kien strumentali fil-pjani tal-Ġermanja Nazista biex tiddeporta mas-76,000 Lhud, inklużi ammont kbir ta’ tfal, minn Franza.

Id-dokumenti ‘tal-Vichy’ ġejjin mill-Ministeri għall-Intern, l-Affarijiet Barranin u l-Ġustizzja li kienu effettivi fi Franza waqt it-Tieni Gwerra.

Numru ta’ dokumenti oħra jalludu għall-aġir tal-Pulizija tal-eksreġim waqt li wħud mill-arkivji huma relatati għall-investigazzjonijiet dwar reati tal-gwerra li mexxew l-awtoritajiet Franċiżi ‘ta’ wara l-liberazzjoni’ u ladarba l-Ġermanja Nazista ċediet lill-Alleati.